Gvern li jinjora l-biża’ tal-ġurnalisti u li jirrifjuta li jipproteġihom

L-istqarrija xokkanti tal-Ministru responsabbli mix-xandir, Malcolm Paul Agius Galea, li sostna li ma jaħsibx li Daphne Caruana Galizia nqatlet minħabba xogħolha bħala ġurnalista u li ma jemminx li l-ġurnalisti huma inqas siguri wara l-verdett tal-ġuri dwar il-qtil tagħha, turi Gvern insensittiv u maqtugħ kompletament mir-realtà.

Waqt li l-ġurnalisti qed jerġgħu jibżgħu f’xogħlhom, il-Gvern Laburista jkompli jkaxkar saqajh biex implimenta r-rakkomandazzjonijiet tal-Inkjesta Pubblika; il-Ministru responsabbli mix-xandir jgħaddi kummenti irresponsabbli dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia

L-istqarrija xokkanti tal-Ministru responsabbli mix-xandir, Malcolm Paul Agius Galea, li sostna li ma jaħsibx li Daphne Caruana Galizia nqatlet minħabba xogħolha bħala ġurnalista u li ma jemminx li l-ġurnalisti huma inqas siguri wara l-verdett tal-ġuri dwar il-qtil tagħha, turi Gvern insensittiv u maqtugħ kompletament mir-realtà.

L-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin (IĠM) qal li fil-lejl tal-verdett kien hemm ġurnalisti li beżgħu jimxu waħedhom lejn il-karozzi tagħhom u li l-biża’ nfirxet fil-kmamar tal-aħbarijiet. Li Ministru tal-Gvern Laburista jipprova jċekken din ir-realtà mhuwiex biss insensittiv — huwa tal-mistħija.

Agħar minn hekk, flok skuża ruħu għal dawn il-kummenti, aktar tard Agius Galea kiteb fuq Facebook biex jgħid li jiddispjaċih jekk weġġa’ lil xi ħadd imma fl-ebda ħin ma ddikjara li ma jemminx verament dak li kien qal qabel.

Waqt li l-ġurnalisti tagħna llum qed jgħixu din ir-realtà, dalgħodu, ironikament il-Gvern ta’ Robert Abela rrifjuta li jiddiskuti l-Mozzjoni tal-Oppożizzjoni għall-implimentazzjoni immedjata tar-rakkomandazzjonijiet tal-Inkjesta Pubblika dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia li, fost l-oħrajn, jinkludu proprju rakkomandazzjonijiet li jipproteġu lill-ġurnalisti.

L-istess Inkjesta kkonkludiet li l-evidenza kollha li kellha quddiemha tipponta lejn rabta intrinsika jew diretta max-xogħl investigattiv li kienet tagħmel Daphne.

Gvern li jinjora l-biża’ tal-ġurnalisti u jirrifjuta li jiddiskuti l-protezzjoni tagħhom mhuwiex Gvern li qed jiddefendi l-ġurnaliżmu. Huwa Gvern li għadu ma tgħallem xejn mill-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.

Dan huwa l-istess Gvern li nstab ħati li ħoloq il-kultura ta’ impunità li wasslet għall-assassinju ta’ ġurnalista. M’hemm xejn differenti.

Il-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jinsisti fuq azzjoni immedjata biex kull ġurnalist f’Malta jkun jista’ jinvestiga, jistaqsi u jagħmel xogħlu mingħajr intimidazzjoni jew biża’.

04.09.2026