Robert Abela jitkellem dwar il-ġustizzja iżda jirrifjuta li jiddibatti Mozzjoni biex issir ġustizzja
Lanqas ma hu kredibbli meta jipprova jiddistanzja ruħu minn dawk li ddemonizzaw lil Daphne Caruana Galizia meta sal-lum għad għandu ma’ saqajh l-istess nies li ddemonizzawha – bħal Neville Gafà u Jason Micallef – li għadhom sal-lum jiżirgħu u jxerrdu l-mibgħeda kontra ġurnalista mejta u l-għeżież tagħha.
Il-Gvern irrifjuta li jiddiskuti Mozzjoni tal-Oppożizzjoni biex ir-rakkomandazzjonijiet tal-Inkjesta Pubblika dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia jiġu implimentati sal-aħħar ta’ Ottubru
Il-Gvern ta’ Robert Abela għażel li jkompli jxekkel il-ħidma għall-verità u l-ġustizzja. Minflok qed jerfa’ r-responsabbiltà, qed jagħżel is-skiet.
Dan meta l-Gvern irrifjuta li jiddiskuti l-Mozzjoni mressqa mill-Oppożizzjoni biex ir-rakkomandazzjonijiet tal-Inkjesta Pubblika dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia jiġu implimentati kollha sal-aħħar ta’ Ottubru.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet, ix-Shadow Ministers tal-Partit Nazzjonalista Mark Anthony Sammut u Michael Piccinino qalu li l-Oppożizzjoni marret quddiem il-Parlament bit-tama li wara ħames snin il-Gvern ta’ Robert Abela kien lest u kellu r-rieda li jdaħħal dawn ir-rakkomandazzjonijiet.
Il-Partit Nazzjonalista mar bi proposta ċara u marbuta ma’ żmien definit. Iżda Robert Abela u l-Gvern tiegħu lanqas biss riedu jiddiskutuha.
Dan juri li, minkejja d-diskorsi kollha tal-Prim Ministru, il-Gvern tiegħu għadu mhux lest jagħmel dak li messu ilu li għamel.
Robert Abela ma jistax jibqa’ jgħid li jrid il-ġustizzja filwaqt li l-Gvern tiegħu jirrifjuta saħansitra li jiddibatti Mozzjoni meħtieġa biex il-ġustizzja tinkiseb verament. Kull jum ieħor ta’ dewmien huwa għażla politika li għaliha Robert Abela jrid jerfa’ r-responsabbiltà.
Il-Gvern għamel għażla politika li jwaqqaf id-diskussjoni tal-Mozzjoni. Robert Abela ma jistax jibqa’ juża kliem sabiħ fil-pubbliku u jipprova jagħti x’tifhem li dan l-assassinju mhux marbut ma’ żmienu, filwaqt li fil-Parlament qed ikompli jostakola l-proċess biex jidħlu dawn ir-rakkomandazzjonijiet.
Lanqas ma hu kredibbli meta jipprova jiddistanzja ruħu minn dawk li ddemonizzaw lil Daphne Caruana Galizia meta sal-lum għad għandu ma’ saqajh l-istess nies li ddemonizzawha – bħal Neville Gafà u Jason Micallef – li għadhom sal-lum jiżirgħu u jxerrdu l-mibgħeda kontra ġurnalista mejta u l-għeżież tagħha.
Min irid jitwemmen li vera jrid il-ġustizzja ma jaħrabx mid-dibattitu. Min verament irid jipproteġi lill-ġurnalisti ma jkaxkarx saqajh. U min verament irid pajjiż aħjar ma jibżax jivvota favur riformi b’saħħithom.
Il-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jinsisti li r-rakkomandazzjonijiet tal-Inkjesta Pubblika jiġu implimentati kollha u mingħajr aktar skużi. Se jibqa’ jitlob istituzzjonijiet tassew indipendenti, protezzjoni effettiva għall-ġurnalisti u responsabbiltà politika għal dawk li ħallew il-kultura tal-impunità tikber u tissaħħaħ.
Robert Abela issa għandu għażla ċara: jew jieqaf jiddefendi l-istatus quo u jaġixxi, jew ikompli jikkonferma li l-Gvern tiegħu huwa parti mill-problema.
Il-Partit Nazzjonalista se jibqa’ fuq in-naħa tal-verità, tal-ġustizzja u ta’ Malta ħielsa li ma tibżax.
05.09.2026


