Pajjiż li ġġieled għall-ħelsien u l-indipendenza se jibqa’ jiġġieled għall-ġustizzja
Il-Partit Nazzjonalista se jibqa' jinsisti li r-rakkomandazzjonijiet tal-Inkjesta Pubblika jidħlu fis-seħħ b’mod immedjat, u li r-responsabbiltà biex dan isir taqa’ kollha fuq Robert Abela, li issa ilu s-snin jostakola din l-implimentazzjoni.
Il-PN jisħaq li pajjiż li ma jibżax huwa pajjiż li jista’ jserraħ rasu minn sistema ta’ ġustizzja li tipproteġih verament – Abela ma jistax jibqa’ sieket wara dak li ħareġ ilbieraħ mit-tapes tal-interrogazzjoni ta’ Yorgen Fenech żvelati mill-media
Dan il-pajjiż ħieles u indipendenti jixraqlu ġustizzja vera.
Il-Partit Nazzjonalista huwa impenjat li dan ikun pajjiż tabilħaqq ħieles – pajjiż li ma jibżax u fuq kollox pajjiż li jaġixxi. F’pajjiż fejn is-sistema li ħoloq il-Gvern hi sistema li toħnoq il-ġustizzja, il-Partit Nazzjonalista se jibqa’ bħalma dejjem kien, u kontra ta’ dak li ma kienx il-Gvern fl-aħħar snin – it-tarka tal-poplu għall-ġustizzja sħiħa.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mix-Shadow Minister għall-Ġustizzja Joe Giglio u x-Shadow Minister għall-Intern Conrad Borg Manché, il-Partit Nazzjonalista qal li dan hu pajjiż li ġġieled biex ikun ħieles meta ħadem għall-indipendenza u llum irridu nkomplu nħarsu dak li ksibna billi nkomplu naħdmu għall-ġustizzja u l-verità.
Tul din il-konferenza, il-Partit Nazzjonalista qal li qed jinsisti li r-rakkomandazzjonijiet tal-Inkjesta Pubblika jidħlu fis-seħħ b’mod immedjat, u li r-responsabbiltà biex dan isir taqa’ kollha fuq Robert Abela, li issa ilu s-snin jostakola din l-implimentazzjoni.
Hu reġa’ ostakola d-dħul ta’ dawn il-miżuri meħtieġa għal ġustizzja vera meta għal darba oħra rrifjuta jidħol għal dibattitu parlamentari mitlub mill-Oppożizzjoni fuq il-Mozzjoni li ressqet.
Minflok, Robert Abela għadu jidher komdu fil-qrubija ta’ persuni li għadhom sal-lum jattakkaw il-memorja ta’ Daphne Caruana Galizia u lill-familja tagħha jew iridu jikkonvinċuna li ma nqatlitx minħabba xogħolha bħall-Ministru tiegħu għax-xandir Malcolm Paul Agius Galea u d-Delegat Speċjali tiegħu għall-implimentazzjoni tal-manifest elettorali Jason Micallef li ddeskriva s-sejħa għal ġustizzja għal Daphne “vandaliżmu”. Ta’ min jistaqsi jekk Robert Abela jaqsamx l-istess fehma ta’ dawn in-nies li għandu mdawrin miegħu.
Il-kelliema fakkru wkoll kif Abela hu komdu wkoll b’Keith Schembri, li ssemma diversi drabi f’dan il-ġuri u sal-bieraħ stess – mit-tapes tal-interrogazzjoni ta’ Yorgen Fenech li kienu żvelati mill-media – kien indikat bħala l-mandant f’dan l-assassinju. Schembri stess qal li sa ftit xhur ilu Robert Abela kien qed jieħu pariri politiċi mingħandu.
Abela jidher għadu komdu wkoll bil-qrubija tiegħu ma’ Joseph Muscat li skont Fenech kien jaf b’dak kollu li kien għaddej u li Keith Schembri qal li qabbdu jkellem lill-avukati tal-akkużat. Tant għadu komdu bil-preżenza tiegħu li l-eks Prim Ministru deher anke fil-kampanja elettorali tal-Labour ta’ ftit tal-ġimgħat ilu u ta endorsements lil diversi membri tal-Kabinett attwali.
Il-Partit Nazzjonalista staqsa kif il-poplu jista’ jserraħ rasu meta jisma’ lil Fenech jitkellem dwar proġetti kapitali nazzjonali massiċċi u l-korruzzjoni f’miljuni kbar ta’ ewro marbuta magħhom, u li sal-lum ma nafux jekk kinux jew jekk humiex qegħdin jiġu investigati. Ix-Shadow Ministers staqsew ukoll jekk hemmx aktar politiċi li qed jiġu investigati b’rabta ma’ dan il-każ.
“Robert Abela għadu ma lissinx kelma waħda fuq dak kollu li ħareġ ilbieraħ. Abela ma jistax jibqa’ sieket jekk irid ikun denju ta’ Prim Ministru,” qalu Joe Giglio u Conrad Borg Manché li tkellmu wkoll dwar l-importanza li jiddaħħlu r-rakkomandazzjonijiet li saru mill-Inkjesta Pubblika biex fost l-oħrajn kull relazzjoni bejn politiku u negozjant tkun dokumentata u ssir dejjem b’mod uffiċjali, biex tissaħħaħ il-protezzjoni tal-ġurnalisti u biex jiġu msaħħa l-istituzzjonijiet.
Dwar l-Avukat Ġenerali huma qalu li dak li seħħ b’rabta ma’ dan il-każ jikxef falliment sistematiku, għaliex l-‘iżbalji’ li saru f’dan il-ġuri jkomplu jibnu ma’ lista twila ta’ ‘żbalji’ oħra li ħadet Victoria Buttigieg, fosthom l-‘iżball ‘meta waqqgħet l-akkużi fil-konfront tal-avukati meta dawn allegatament ippruvaw ixaħħmu ġurnalist, l-‘iżball’ li wassal biex jiskadi l-freezing order ta’ Keith Schembri, l-‘iżball’ li bih ġie preskritt il-każ ta’ Justyne Caruana dwar il-kuntratt li tat lis-sieħeb tagħha, l-‘iżball’ li dalwaqt se jwassal biex ikun preskritt il-każ dwar miżapproppjazzjoni ta’ fondi pubbliċi tal-ITS minn Rosianne Cutajar, l-‘iżball’ li bih ukoll se jasal għall-preskrizzjoni l-każ tal-visas mediċi ta’ Neville Gafà fejn minflok tressaq Gafà tressaq il-whistleblower li ġie liberat, u l-‘iżball’ fil-każ tat-Topo li kien spara fuq il-Pulizija u li spiċċa ħelisha ħafif meta waqgħu l-akkużi.
Dawn kollha huma aktar milli biżżejjed biex wieħed jifhem li l-Avukat Ġenerali mhijiex ‘fit for purpose’.
Il-Partit Nazzjonalista kompla jgħid li anke r-rakkomandazzjonijiet dwar it-tisħiħ tal-Korp tal-Pulizija baqgħu fuq l-ixkaffa ħames snin wara.
Dawn iridu jittieħdu bis-serjetà biex il-poplu tagħna jkollu l-garanzija ta’ korp awtonomu u indipendenti.
Dak li ħareġ minn dan il-ġuri jipponta lejn indħil politiku kontinwu mill-politiċi f’każ ta’ assassinju, u llum il-poplu għadu mhux jingħata s-serħan il-moħħ li dan mhux se jerġa’ jseħħ.
Anke għaliex il-Ministru responsabbli mill-Korp tal-Pulizija llum huwa l-persuna li ffumenta ħdura u mibegħda lejn Daphne Caruana Galizia u l-familja tagħha. Attakki li komplew anke snin wara l-assassinju tal-ġurnalista.
Robert Abela stess kien fost dawk li attakka lill-famillja Caruana Galizia meta dawn insistew fuq inkjesta pubblika, u l-istess Abela kompla bid-diżrispett lejhom meta ftit tal-jiem ilu gideb u qal li kellimhom, biex minuti biss wara ġie mgiddeb mill-istess familja.
Il-Poplu Malti kollu jrid il-ġustizzja bil-fatti u mhux bil-kliem.
Robert Abela jgħid li jrid jimxi bi prudenza u kawtela. Imma fil-verità qed jaġixxi bħal xi ħadd li qed jippretendi omertà politika, biex kollox jibqa’ għaddej daqslikieku xejn mhu xejn.
Jekk Robert Abela irid isikket lill-poplu, il-Partit Nazzjonalista se jiżgura li dan ma sjeħħx.
Malta ħielsa, Malta li ma tibżax, trid ġustizzja. U l-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jinisisti li din issir u tidher li qed issir.
07.09.2026


