Se nibqgħu naħdmu biex insaħħu r-reputazzjoni ta’ pajjiżna u l-istituzzjonijiet tagħna
AĦBAR

Se nibqgħu naħdmu biex insaħħu r-reputazzjoni ta’ pajjiżna u l-istituzzjonijiet tagħna

Il-Kap tal-PN qal li jekk pajjiżna ma jinvestix f’edukazzjoni li trawwem ġenerazzjoni li tkun kapaċi tifforma opinjoni indipendenti u li kapaċi tuża l-ħsieb kritiku tagħha, il-bidliet kollha l-oħra li jistgħu jsiru mhux se jkollhom l-impatt pożittiv li jistga’ jkollhom.  

Waqt Business Breakfast organizzat mill-Partit Nazzjonalista, professjonisti minn setturi differenti tas-soċjetà jitkellmu dwar il-bżonn ta’ azzjoni immedjata, riformi u ħidma biex nerġgħu nnaddfu r-reputazzjoni ta’ Malta u nsaħħu l-istituzzjonijiet

Il-Partit Nazzjonalista se jkompli bil-ħidma tiegħu biex jissaħħu l-istituzzjonijiet u biex titnaddaf ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna.

Waqt Business Breakfast li organizza dalgħodu l-Partit Nazzjonalista fi Trident Park għar-rappreżentanti ta’ setturi differenti tas-soċjetà, il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-PN Alex Borg qal li biex pajjiżna joħroġ minn dan l-episodju ikrah li ħalla lil pajjiżna bla ġustizzja wara l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, kulħadd irid jingħaqad b’għan wieħed li nfejqu din il-ġerħa.

Alex Borg qal li żewġ punti importanti li fuqhom iserraħ il-futur ta’ pajjiżna huma l-edukazzjoni u r-riformi.

Il-Kap tal-PN qal li jekk pajjiżna ma jinvestix f’edukazzjoni li trawwem ġenerazzjoni li tkun kapaċi tifforma opinjoni indipendenti u li kapaċi tuża l-ħsieb kritiku tagħha, il-bidliet kollha l-oħra li jistgħu jsiru mhux se jkollhom l-impatt pożittiv li jistga’ jkollhom.  

Apparti dan, ir-riformi li messhom ilhom li saru ma jistgħux jibqgħu jistennew. Huwa semma fost l-oħrajn riformi biex jissaħħaħ l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali biex ikun żgurat li ċ-ċittadin ikollu fiduċja sħiħa li l-ġustizzja se titwettaq.

Il-Kap tal-PN qal li dak li seħħ f’pajjiżna għandu implikazzjonijiet ekonimiċi marbuta mar-reputazzjoni ta’ Malta, u llum jeħtieġ li nagħmlu dak kollu li għandna s-setgħa nagħmlu biex niżguraw li dak li ġara ma jerġa’ jiġri qatt aktar f’pajjiżna.

Alex Borg qal li biex iseħħ dan, irid ikollna strutturi b’saħħithom li jiżguraw il-ġustizzja, u l-Partit Nazzjonalita se jibqa’ jaħdem għal dan.

F’diskors qasir waqt il-Business Breakfast li kellu t-tema “Pajjiż ħieles. Pajjiż li ma jibżax,” il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Perici Calascione qal li fl-aħħar ġimgħat resqu lejn il-PN persuni li qatt ma appoġġjawh, u li huma ġenwinament imħassba dwar l-impatt nazzjonali ta’ dan il-każ u dwar it-telf ta’ fiduċja fl-istituzzjonijiet.

Huwa sostna li ma nistgħux nibqgħu għaddejjin daqslikieku ma ġara xejn, u qal lil dawk preżenti li bħala protagonisti ewlenin fil-qasam tan-negozju, il-ħsibijiet tagħhom huma importanti biex tkompli titfassal politika li twieġeb għal din ir-realtà.

Indirizza wkoll lill-parteċipanti x-Shadow Minister għall-Ġustizzja Joe Giglio li spjega aktar dwar l-Omnibus Bill li ħejja l-Partit Nazzjonalista li jinkludi liġijiet f’għaxar oqsma biex isaħħaħ il-governanza tajba, jiġġieled l-abbuż tal-poter u jżid ir-responsabbiltà tal-uffiċjali pubbliċi, fosthom permezz ta’ reati ġodda u investigazzjonijiet dwar ġid mhux spjegat. Il-pakkett isaħħaħ ukoll il-protezzjoni kostituzzjonali tal-libertà tal-istampa u tal-ġurnalisti, inkluż b’liġijiet kontra l-iSLAPP biex ħadd ma jkun jista’ jsikkithom jew ikissirhom finanzjarjament talli jagħmlu xogħolhom.

Kien hemm numru ta’ interventi minn numru ta’ kelliema li saħqu li dak li ħareġ mill-ġuri ma jistax jiġi injorat jew jitħalla mingħajr konsegwenzi, għax ir-reputazzjoni ta’ Malta, il-fiduċja fl-istituzzjonijiet u saħansitra l-ekonomija jinsabu f’riskju.

L-importanza tar-reputazzjoni ta’ pajjiżna mil-lat ta’ negozju hija importanti mhux biss biex investiment barrani jitħajjar jiġi f’pajjiżna imma anke biex niżguraw li żgħażagħ u negozji Maltin li jkunu jridu jespandu anke barra minn pajjiżna ma jsibux xkiel biex jagħmlu dan.

Il-kellliema insistew fuq aktar trasparenza u kontabbiltà, fuq l-implimentazzjoni tar-riformi li ilhom jiġu injorati u fuq il-ħtieġa ta’ sforz kollettiv li jegħleb l-apatija, jiddefendi l-verità u jerġa’ jibni l-fiduċja tal-Maltin u tal-barranin f’pajjiżna.

Fost dawk li intervjenew kien hemm Marisa Xuereb – eks President tal-Kamra tal-Kummerċ, Stephen Thake – avukat, Vanessa Macdonald – opinjonista, u David Zahra – avukat.

Preżenti għal din l-attività kien hemm numru ta’ professjonisti minn oqsma differenti li wieġbu għall-istedina tal-Partit Nazzjonalista għal diskussjoni dwar it-triq ‘il quddiem favur pajjiż ħieles u pajjiż li ma jibżax.

17.09.2026