62 sena wara l-Indipendenza, illum aħna wkoll imsejħa nqumu u nsemmgħu leħinna għal pajjiż ħieles
Malta teħtieġ Indipendenza ġdida. Din id-darba mhux mill-barrani, iżda minn politika li taħkem lill-istituzzjonijiet u li tagħmel liċ-ċittadin dipendenti fuq min għandu l-poter.
Il-Kap tal-PN Alex Borg jiftaħ iċ-ċelebrazzjonijiet tal-Indipendenza 2026 b’sejħa biex Malta tkun pajjiż fejn il-politika taqdi l-interess nazzjonali u fejn iċ-ċittadin jista’ jitkellem, jaħdem u jirnexxi mingħajr biża’ jew kontroll politiku
Bħalma 62 sena ilu missirijietna għażlu li ma jibqgħux siekta, illum aħna wkoll qed niġu msejħa biex insemmgħu leħinna u nqumu, biex flimkien naħdmu għal pajjiż aħjar.
Malta teħtieġ Indipendenza ġdida. Din id-darba mhux mill-barrani, iżda minn politika li taħkem lill-istituzzjonijiet u li tagħmel liċ-ċittadin dipendenti fuq min għandu l-poter.
Dan kien il-messaġġ tal-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg waqt id-diskussjoni li fetħet iċ-ċelebrazzjonijiet tal-Indipendenza 2026 fuq il-Fosos tal-Furjana, bit-tema “Pajjiż ħieles. Pajjiż li ma jibżax.”

Alex Borg qal li l-kisba storika tal-Indipendenza minn Ġorġ Borg Olivier 62 sena ilu, għamlet lil Malta pajjiż sovran li seta’ jibda jiddeċiedi għalih innifsu. Iżda saħaq li l-libertà mhix garantita għal dejjem u jeħtieġ li tibqa’ titħares u tiġi difiża.
“X’jiswa li niċċelebraw l-Indipendenza jekk istituzzjonijiet li suppost huma indipendenti jispiċċaw maħkuma minn politiċi fil-poter?” staqsa Alex Borg. Huwa qal li d-dettalji li ħarġu mill-ġuri marbut mal-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia komplew juru kif persuni qrib il-poter kienu qed jaħdmu għall-interessi tagħhom u mhux għall-interess tan-nazzjon.
Huwa saħaq ukoll fuq l-importanza tal-edukazzjoni li trawwem ġenerazzjoni ta’ ħassieba kritiċi. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li jrid ikun hemm investiment akbar fl-edukaturi tagħna u fir-riżorsi kollha meħtieġa biex ikollna ċittadini kapaċi tal-ħsieb ħieles.
Alex Borg semma wkoll l-importanza li nħarsu lill-ġurnalisti biex dawn ikunu jistgħu jagħmlu xogħolhom bla xkiel u intimiazzjoni, u tkellem dwar il-miżuri anti-SLAPP li l-Partit Nazzjonalista qed jinsisti li jiddaħħlu kemm jista’ jkun malajr.
Il-Kap tal-PN sostna li pajjiż tassew ħieles huwa wieħed fejn l-istituzzjonijiet jaqdu liċ-ċittadin, fejn il-politika taqdi l-interess nazzjonali u fejn il-libertà ma tkunx biss kelma li titfakkar darba fis-sena.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li dawn huma ħames snin kruċjali għal pajjiżna. Qal li pajjiżna jrid jagħżel direzzjoni li tagħti mhux biss ekonomija b’saħħitha imma li tagħti liċ-ċittadini tiegħu dar ta’ vera li komdi jgħixu fiha, li ttihom is-sigurtà u s-serħan il-moħħ ta’ futur sabiħ.
Matul id-diskussjoni saru interventi mill-avukat u eks membru tal-Korp tal-Pulizija Edmond Cuschieri; il-professjonist fl-istrateġija u eks diplomatiku Michael Cluett; il-lettur u professjonista fis-settur edukattiv Angele Pulis; l-avukat u eks ġurnalist David Bonello; u l-avukat fil-liġi kummerċjali u finanzjarja, eks lettur u eks Chairman tal-Borża ta’ Malta Arthur Galea Salomone. Fost it-temi li tkellmu dwarhom il-parteċipanti f’din id-diskussjoni kien hemm l-impatt tal-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia u dak kollu li ħareġ mill-ġuri, l-istat tal-istituzzjonijiet u kif dawn ma ħadmux kif suppost f’dawn l-aħħar snin, il-ġustizzja, il-libertà tal-ġurnalisti, l-importanza li jiġu implimentati r-rakkomandazzjonijet tal-Inkjesta Pubblika, il-bżonn ta’ edukazzjoni li twassal għal ħsieb kritiku, ir-reputazzjoni internazzjonali ta’ Malta u l-impatt li l-kultura ta’ impunità qed tħalli fuq iċ-ċittadini.






F’intervent ieħor, il-Viċi Sindku tal-Furjana James Aaron Ellul tkellem dwar l-isfida demografika tal-Furjana, il-ħtieġa ta’ riġenerazzjoni bilanċjata li tpoġġi lir-resident fiċ-ċentru u l-ħidma biex titħares l-identità tal-lokal u tal-komunitajiet tal-Port il-Kbir.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg irringrazzja lill-parteċipanti, lill-għaqdiet mhux governattivi, lill-għaqdiet tas-soċjetà ċivili, lill-ġurnalisti u lir-rappreżentanti ta’ diversi setturi li fl-aħħar jiem aċċettaw l-istedina tal-Partit Nazzjonalista biex jipparteċipaw fid-diskussjoni dwar ir-riformi li jeħtieġ pajjiżna.

Huwa qal li aktar nies qed jegħlbu l-biża’, isemmgħu leħinhom u jingħaqdu mal-Partit Nazzjonalista fil-ħidma tiegħu biex joffri soluzzjonijiet konkreti għall-pajjiż. Huwa appella liż-żgħażagħ li dejjem kienu katalisti tal-bidla biex jagħmlu pass ’il quddiem u jsemmgħu leħinhom.
“Din hija l-Malta li rridu nibnu flimkien: pajjiż ħieles u pajjiż li ma jibżax,” temm jgħid il-Kap tal-Partit Nazzjonalista.
Id-diskussjoni tmexxiet minn Thomas De Martino u Charmaine Parnis u xxandret live fuq NET TV, NET FM u l-media soċjali. Il-Partit Nazzjonliasta jkompli bl-attivatajiet marbuta mal-Indipendenza għada s-Sibt b’intervista mill-Editur ta’ Newsbook Malta Matthew Xuereb lill-Kap tal-PN Alex Borg, u b’attivitajiet oħra ta’ divertiment fuq il-Fosos tal-Furjana mis-6.30pm ’il quddiem. Il-qofol jintlaħaq il-Ħadd bil-Mass Meeting indirizzata mill-Kap tal-PN.
18.09.2026


