L-għoti tat-titlu lill-Belt Victoria bħala Belt Kulturali Ewropea 2031 hu mument ta’ kburija għalina lkoll

Il-ħidma ta’ kull min ta sehmu għal din il-kisba wasslet biex il-Belt Victoria kif ukoll ir-residenti kollha tagħha issa se jkollhom l-unur li jirrappreżentawna fl-Ewropa b’dan it-titlu importanti.

Il-PN jifraħ lil kull min kien involut fil-mixja u l-kandidatura ta’ Victoria31Għawdex

L-għoti tat-titlu lill-Belt Victoria bħala Belt Kulturali Ewropea 2031 huwa mument ta’ kburija għalina lkoll – Għawdxin u Maltin.

Il-Partit Nazzjonalista jfaħħar il-ħidma, it-tħejjija u l-impenn tal-Fondazzjoni li mexxiet il-kandidatura tal-Belt Victoria, u li kienu kruċjali biex illum sar magħruf li l-belt kapitali ta’ Għawdex se ġġorr it-titlu prestiġjuż ta’ Belt Kapitali Ewropea tal-Kultura għas-sena 2031.

B’mod partikolari l-PN jifraħ lill-Kunsill Lokali tal-Belt Victoria mmexxi mis-Sindku Brian Azzopardi, u lill-Kunsill Reġjonali għal Għawdex immexxi minn Samuel Azzopardi li kien ukoll iċ-Chairman tal-Fondazzjoni Victoria 2031, li flimkien ma’ tim sħiħ ħadmu lejl u nhar biex il-kandidatura kienet suċċess. Dak li beda minn ħolma sar realtà bis-seħem importanti ta’ kull min – f’oqsma differenti – ta l-kontribut tiegħu għal din il-kandidatura biex din il-belt tagħmel unur lill-Gżejjer Maltin.

Il-ħidma ta’ kull min ta sehmu għal din il-kisba wasslet biex il-Belt Victoria kif ukoll ir-residenti kollha tagħha issa se jkollhom l-unur li jirrappreżentawna fl-Ewropa b’dan it-titlu importanti.

Victoria31Għawdex se tkun opportunità mhux biss għar-Rabtin imma għall-gżira kollha ta’ Għawdex u għall-Għawdxin kollha. Fuq kollox għandha tagħmilna lkoll kburin, anke fuq livell nazzjonali.

Il-Partit Nazzjonalista dejjem emmen fil-karattru uniku tal-gżira ta’ Għawdex li jispikka fil-Mediterran. Issa, grazzi għall-ħidma ta’ min emmen bis-sħiħ f’din il-ħolma, dan il-karattru se jkun magħruf u ċċelebrat fuq livell Ewropew.

Il-Kap tal-PN Alex Borg ukoll feraħ lit-tim kollu u wiegħed l-appoġġ sħiħ tiegħu għal din l-inizjattiva waqt li ħeġġeġ lill-Gvern biex jagħti l-assistenza kollha meħtieġa ħalli din tħalli ġid dejjemi għal Għawdex u għall-Għawdxin.

23.09.2026