Edukazzjoni li ssawwar ċittadini b’mod sħiħ hija edukazzjoni li tirnexxi
AĦBAR

Edukazzjoni li ssawwar ċittadini b’mod sħiħ hija edukazzjoni li tirnexxi

“L-edukazzjoni hija waħda mill-pilastri ewlenin ta’ pajjiż. Ċittadini b’edukazzjoni li ssawwarhom f’mod sħiħ hija edukazzjoni li rnexxiet. Irridu niżguraw li qed nagħtu lil uliedna l-ħiliet bażiċi li bihom jistgħu jirnexxu fi kwalunkwe sitwazzjoni – inkluż il-ħiliet tal-ħsieb kritiku”.

Il-Kap tal-PN Alex Borg fi żjarat f’żewġt iskejjel f’Ta’ Kerċem, Għawdex

Kull investiment fl-edukazzjoni huwa investiment f’dinja aħjar, f’pajjż aħjar, f’ċittadini aħjar.

Hekk kif ninsabu fil-bidu ta’ sena skolastika oħra, waqt ġurnata ta’ ħidma fil-gżira ta’ Għawdex il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg dalgħodu żar żewġt iskejjel – waħda tal-Knisja u l-oħra istituzzjoni privata tat-tagħlim tal-Ingliż bħala lingwa barranija.

Fl-ewwel żjara tiegħu fl-iskola BELS Gozo, il-Kap tal-PN sema’ dawk li huma l-kisbiet li għamlet din l-istituzzjoni fil-29 sena li iha mwaqqfa. BELS għandha 35 skola liċenzjata, fosthom dik f’Ta’ Kerċem. L-istituzzjoni toffri korsijiet tal-Ingliż għall-adulti li jibqgħu sejrin is-sena kollha, u matul is-sena jkollha madwar 600 student minn diversi pajjiżi.

Rebecca Bonnici, il-Kap Eżekuttiv ta’ BELS, qalet li din l-istituzzjoni dejjem fittxet li tkun innovattiva u kienet minn tal-ewwel li introduċiet l-użu tal-VRs fil-lezzjonijiet. Illum l-għan tagħha hu li tkompli tattira klijenti ta’ kwalità li qed ifittxu mhux biss esperjenza edukattiva imma anke waħda turistika.

Hija saħqet fuq il-bżonn li bħala pajjiż nimxu aktar lejn il-kwalità flok il-kwantità u tkellmet ukoll dwar l-importanza li turist li jrid iżur lil Għawdex direttament ikollu l-opportunità li jagħmel dan direttament mill-ajruport ta’ Malta għal Għawdex b’servizz tal-ajru.

“L-investiment tal-privat fil-qasam tat-turiżmu jrid isib l-appoġġ tal-Gvern li min-naħa tiegħu irid jiżgura li jiġbed lejn Malta it-tip ta’ turist ta’ kwalità li nixtiequ lkoll naraw. Dan isir possibbli jekk ikun hemm l-infrastruttura moderna meħtieġa biex nattiraw lit-turist li lest jonfoq aktar għal esperjenza ta’ kwalità”, qal Alex Borg.

Fit-tieni żjara tiegħu, fl-iskola Santa Tereża – ukoll f’Ta’ Kerċem – Alex Borg  intlaqa’ mill-Kap tal-Iskola Suor Lucy Vella u miż-żewġ assistenti kapijiet Maria Portelli u Joanne Sultana, u kellu wkoll iċ-ċans jiltaqa’ mal-edukaturi ta’ din l-iskola.

Din l-iskola, li titmexxa mis-Sorijiet Karmelitani ta’ Santa Tereża, tilqa’ fiha mal-192 student, subien u bniet, u timpjega 28 edukatur Għawdxi – seba’ għalliema, erba’ Kindergarten Educators, 16 il-Learning Support Educator u Complimentary Teacher.

L-amministrazzjoni tal-iskola spjegat l-importanza li l-edukaturi jkunu parti mid-diskussjoni fejn jidħlu tibdil fil-policies jew policies ġodda marbuta mal-edukazzjoni.

Tkellmu wkoll dwar dawk li huma l-akbar sfidi tal-iskola, fosthom id-diffikultajiet li jkollhom meta edukatur ikun ma jiflaħx u jrid jinstab edukatur ieħor biex jeħodlu postu. Huma qalu li kieku l-Gvern jagħti mqar edukatur wieħed li jkun jiesta’ jidħol f’każ ta’ għalliem li jkun ma jiflaħx, dan ikun ta’ għajnuna kbira lill-iskola. 

Alex Borg qal li l-Partit Nazzjonalista huwa impenjat li jżomm l-edukazzjoni fil-quċċata tal-prijoritajiet tiegħu.

“L-edukazzjoni hija waħda mill-pilastri ewlenin ta’ pajjiż. Ċittadini b’edukazzjoni li ssawwarhom f’mod sħiħ hija edukazzjoni li rnexxiet. Irridu niżguraw li qed nagħtu lil uliedna l-ħiliet bażiċi li bihom jistgħu jirnexxu fi kwalunkwe sitwazzjoni – inkluż il-ħiliet tal-ħsieb kritiku”.

Jakkumpanjaw Alex Borg f’dawn iż-żjarat fil-bidu ta’ tmiem il-ġimgħa mimli impenji għall-Kap tal-PN f’Għawdex, kien hemm il-Viċi Kap tal-PN u Shadow Minister għat-Turiżmu Alex Perici Calascione, ix-Shadow Minister għal Għawdex Frank Anthony Tabone, ix-Shadow Minister għall-Volontarjat Beppe Galea u l-Kelliem għall-Politika dwar il-Familja u t-Tfal Norma Camilleri.

25.09.2026