L-iskejjel tal-Istat se jerġgħu jiftħu l-bibien fost nuqqasijiet kbar

Fuq kollox, insellmu u nirringrazzjaw lill-edukaturi kollha u lil dawk kollha li jaħdmu fil-qasam edukattiv, kemm lil dawk li nhar it-Tnejn se jirritornaw għall-ħidma tagħhom kif ukoll lil dawk li diġà bdew il-ħidma tagħhom u laqgħu lit-tfal fil-jiem li għaddew.

Il-ġimgħa d-dieħla l-iskejjel tal-Istat se jerġgħu jilqgħu fi ħdanhom lill-istudenti.

Madankollu, għad hemm nuqqas ta’ Assistenti Kapijiet f’numru sostanzjali ta’ skejjel. Din mhix kwistjoni sekondarja jew xi dettall amministrattiv. Dawn huma pożizzjonijiet fundamentali għall-operat ta’ skola u għat-tmexxija effettiva tagħha.

Il-bidu tas-sena skolastika mhux xi ħaġa li tinqala’ bla avviż. Huwa avveniment annwali li jeħtieġ ippjanar, preparazzjoni u riżorsi adegwati minn qabel.

Meta ma jkunx hemm immaniġġjar tajjeb, il-piż jaqa’ fuq il-kumplament tal-mexxejja edukativi, fuq l-edukaturi u fuq il-ħaddiema l-oħra fl-iskejjel. Dan in-nuqqas jaffettwa b’mod negattiv l-operat normali tal-iskejjel. 

Dan mhux l-uniku nuqqas li l-iskejjel qed iħabbtu wiċċhom miegħu. Hemm nuqqas ta’ LSEs, guidance teachers, psikologi, social workers u ħaddiema tas-sengħa.

Gvern serju jippjana bil-quddiem u jamministra b’mod effettiv. Gvern serju jassigura li l-iskejjel ikollhom ir-riżorsi meħtieġa minn qabel biex l-iskejjel ikunu jistgħu joperaw kemm jista’ jkun bla skossi.

Dawn li qed insemmu huma affarijiet bażiċi. M’għandniex naslu ġimgħa qabel il-ftuħ tal-iskejjel u niskopru li għad hemm nuqqasijiet serji f’karigi tant importanti.

L-edukazzjoni jistħoqqilha preparazzjoni, organizzazzjoni u tmexxija effettiva, mhux soluzzjonijiet ta’ malajr u traqqigħ tal-pannu bil-qargħa aħmar.

Fuq kollox, insellmu u nirringrazzjaw lill-edukaturi kollha u lil dawk kollha li jaħdmu fil-qasam edukattiv, kemm lil dawk li nhar it-Tnejn se jirritornaw għall-ħidma tagħhom kif ukoll lil dawk li diġà bdew il-ħidma tagħhom u laqgħu lit-tfal fil-jiem li għaddew.

Jerome Caruana Cilia
Shadow Minister għall-Edukazzjoni u ċ-Ċittadinanza

26.09.2026