Għawdex għandu bżonn ekonomija li toħloq aktar xogħol produttiv, privat u mħallas tajjeb f’Għawdex stess
Tagħrif ippreżentat mill-Kumitat Reġjonali għal Għawdex juri li filwaqt li l-ekonomija Għawdxija kibret minn €615-il miljun fl-2020 għal €993 miljun fl-2024, is-sehem tagħha mill-ekonomija nazzjonali baqa’ madwar 4.3%. Fl-istess waqt, qed jikber ukoll id-distakk bejn in-numru ta’ Għawdxin impjegati u n-numru ta’ impjiegi li fil-fatt jinsabu f’Għawdex.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-PN Alex Borg jiltaqa’ mal-Kumitat Reġjonali għal Għawdex dwar il-proposti tiegħu għall-Budget 2027 – fost l-oqsma diskussi kien hemm il-konnettività, is-saħħa, l-edukazzjoni, l-investiment u l-infrastruttura li kollha jistgħu jwasslu għal aktar opportunitajiet għall-Għawdxin f’Għawdex
Għawdex għandu bżonn ekonomija aktar diversifikata li toħloq aktar xogħol produttiv, privat u mħallas tajjeb, biex iż-żgħażagħ u l-ħaddiema Għawdxin ikunu jistgħu jibnu l-karriera u l-futur tagħhom f’Għawdex stess.
Dan kien wieħed mill-messaġġi ewlenin tal-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg waqt laqgħa mal-Kumitat Reġjonali għal Għawdex fi ħdan l-MCESD – laqgħa li matulha ġew diskussi l-proposti tal-Gozo Regional Committee (GRC) għall-Budget 2027 u l-viżjoni ekonomika għall-futur ta’ Għawdex.
Din l-ewwel laqgħa ta’ konsultazzjoni mill-Oppożizzjoni mal-imsieħba soċjali dwar il-budget li ġej saret fis-Santa Luċija Boutique Hotel f’Ta’ Kerċem u ffukat mhux biss fuq il-ħtieġa tal-investiment u l-proġetti kapitali, iżda wkoll fuq il-produttività, it-talent, in-negozju, il-ħiliet u l-governanza f’Għawdex.
Alex Borg qal li hemm konverġenza qawwija bejn diversi proposti mressqa mill-Kumitat u l-viżjoni li l-Partit Nazzjonalista ressaq għal Għawdex fil-programm elettorali tiegħu. Fost l-oqsma fejn hemm qbil fuq il-proposti hemm it-tkabbir u t-titjib tal-Port tal-Imġarr, konnettività aħjar bi flotta ekoloġika ffinanzjata minn fondi Ewropej, infrastruttura loġistika bil-Logistics Hub, sptar ġdid għal Għawdex, l-iżvilupp tal-Innovation Hub, diversifikazzjoni ekonomika, aktar investiment fl-MCAST, il-kampus tal-Università u fl-ITS u status effettiv ta’ reġjun għal Għawdex.
Il-Kap tal-PN qal li l-konnettività hija essenzjali biex jitnaqqas l-iżvantaġġ tal-insularità doppja, iżda għandha tkun mezz għal għan akbar: li Għawdex ikun jista’ joħloq aktar opportunitajiet ekonomiċi u professjonali fih stess. “Min jaqsam lejn Malta għax-xogħol għandu jagħmel dan b’għażla, mhux għax m’għandux alternattiva f’Għawdex,” qal Alex Borg.
Tagħrif ippreżentat mill-Kumitat Reġjonali għal Għawdex juri li filwaqt li l-ekonomija Għawdxija kibret minn €615-il miljun fl-2020 għal €993 miljun fl-2024, is-sehem tagħha mill-ekonomija nazzjonali baqa’ madwar 4.3%. Fl-istess waqt, qed jikber ukoll id-distakk bejn in-numru ta’ Għawdxin impjegati u n-numru ta’ impjiegi li fil-fatt jinsabu f’Għawdex.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista sostna li Għawdex għandu jkompli jsaħħaħ setturi tradizzjonali bħat-turiżmu, iżda fl-istess ħin għandu jkabbar l-attività f’oqsma ta’ valur miżjud ogħla u dan għandu jimxi id f’id ma’ rabta aktar b’saħħitha bejn l-edukazzjoni u l-ekonomija, b’investiment akbar fl-MCAST, l-ITS u l-kampus tal-Università f’Għawdex. Tkellem ukoll dwar il-ħtieġa ta’ investiment fit-toroq, soluzzjoni għall-problema tat-traffiku u l-ħtieġa li n-nefqa kapitali fil-budget għal Għawdex tiżdied, u mhux tonqos.
“Ma rridux ekonomija li tikber biss fiċ-ċifri. Irridu ekonomija li tħalli aktar Għawdxin jgħixu, jaħdmu u javvanzaw f’Għawdex,” qal Alex Borg, waqt li tenna wkoll li status ta’ reġjun għal Għawdex għandu jfisser aktar responsabbiltà, ippjanar fit-tul u sehem dirett fid-deċiżjonijiet li jolqtu lill-Għawdxin.
Min-naħa tiegħu, il-President tal-Kumitat Reġjonali għal Għawdex Michael Galea rringrazzja lill-Kap tal-PN għal din l-opportunità u qal li l-Kumitat jemmen fl-importanza li jkun hemm djalogu mhux biss mal-Gvern imma anke mal-Oppożizzjoni li eventwalment tista’ tkun hi li tmexxi lill-pajjiż.
Hu qal li l-għan tal-proposti tal-Kumitat dwar il-Budget 2027 hu li naslu f’punt fejn Għawdex jikkontribwixxi ferm aktar għall-ekonomija nazzjonali milli qed jikkontribwixxi llum. Hu spjega kif it-30 proposta tal-Kumitat huma mifruxa fuq ħames oqsma prinċipali: il-konnettività u l-infrastruttura, l-enerġija u l-ambjent flimkien mat-tibdil fil-klima, is-saħħa, id-diversifikazzjoni ekonomika, l-edukazzjoni u l-kapital uman.
Michael Galea qal li l-ekonomija Għawdxija hi bbażata fuq żewġ setturi tradizzjonali li huma t-turiżmu u l-kostruzzjoni, minbarra d-dipendenza fuq is-settur pubbliku u hemm bżonn aktar diversifikazzjoni għax Għawdex jista’ jikkontribwixxi ferm aktar billi jidħol f’setturi ġodda.
Dwar il-konnettività l-Kumitat jilqa’ l-fatt li se jsir investiment f’vapuri ġodda imma jemmen li qabel dan, il-Gvern għandu jiżgura li jinvesti fl-espansjoni tal-Port tal-Imġarr, itejjeb il-Port fiċ-Ċirkewwa u jara li ssir t-tieni triq li twassal għall-port ta’ Għawdex. Tkellem ukoll fuq il-qasam tas-saħħa fejn fakkar li l-isptar li ilu mwiegħed snin twal għadu fuq il-karta, u qal li biż-żieda fil-popolazzjoni u anke fl-età tal-istess popolazzjoni, se tkompli tiżdied il-pressjoni fuq is-servizzi tas-saħħa f’Għawdex u għalhekk hu meħtieġ pjan serju li jindirizza dan.
Matul il-laqgħa saret diskussjoni miftuħa li fiha l-membri tal-Kumitat Reġjonali tkellmu dwar diversi oqsma, u anke sfidi li qed jiffaċċjaw is-setturi li jirrappreżentaw. Punti partikolari li tqajmu kienu jinkludu l-problema tal-ħaddiema li qed jitilqu mill-privat biex jaħdmu mal-gvern, il-ħtieġa li l-eko-kontribuzzjoni li tinġabar mit-turiżmu f’Għawdex jibda jgawdi direttament minnha Għawdex stess, l-importanza tar-reġjonalità ta’ Għawdex biex ikunu l-Għawdxin li jieħdu d-deċiżjonijiet b’mod awtonomu dwar dak li jolqothom, u r-reżiljenza tas-sistema tal-elettriku fejn xi membri esprimew il-preokkupazzjoni tagħhom li min jibbukkja f’lukanda f’Għawdex illum qed jistaqsi għal garanzija li ma jinqatax id-dawl.
Id-delegazzjoni tal-Oppożizzjoni mmmexxija minn Alex Borg għal din il-laqgħa kienet tinkludi lix-Shadow Minister għall-Finanzi Adrian Delia, ix-Shadow Minister għal Għawdex Frank Anthony Tabone u d-Deputati Għawdxin Beppe Galea u Norma Camilleri.
Id-delegazzjoni tal-Kumitat Reġjonali għal Għawdex kienet immexxija mill-President Michael Galea u mill-Viċi President Joe Muscat u kienet tinkludi rappreżentanti tal-għaqdiet kollha li jiffurmaw dan il-Kumitat li huwa estensjoni tal-MCESD li tkopri firxa aktar wiesgħa tal-oqsma kollha f’Għawdex. Dawn jinkludu l-Assoċjazzjoni tal-NGOs Għawdxin, il-GUG, il-GWU, il-GTA, il-Gozo Business Chamber, il-Malta Chamber of SMEs, is-CMTU, il-Kunsilli Lokali, il-UĦM Voice of the Workers, il-Forum Unions Maltin, id-Djoċesi ta’ Għawdex u l-Ministeru għal Għawdex.
26.09.2026








