Mhux aċċettabbli li nibdew sena skolastika oħra b’nuqqas ta’ LSEs li qed joħloq inċertezza lil ħafna familji

Il-Partit Nazzjonalista qed jitlob lill-Gvern biex jispjega b’mod ċar x’inhuma l-passi konkreti li se jieħu biex din il-problema tiġi indirizzata, u f’liema żmien dawn se jkunu implimentati.

Filwaqt li Robert Abela qed ikompli jilħaq rekord wara l-ieħor ta’ dejn li issa mess it-€12-il biljun, mhux isib il-flus biex jiżgura numru adegwat ta’ Learning Support Educators fl-iskejjel tagħna

Filwaqt li qed tibda s-sena skolastika l-ġdida, erġajna bl-istess problemi bħas-snin l-imgħoddija li qed jikkawżaw inċertezza bla bżonn lill-istudenti u l-ġenituri. Kaġun ta’ nuqqas ta’ ppjanar min-naħa tal-Gvern ta’ Robert Abela li mhux kapaċi joħroġ bis-soluzzjonijiet.

Eżempju ċar huwa dak li qed jiġri fejn għandu x’jaqsam mas-sitwazzjoni tal-Learning Support Educators (LSEs) fl-iskejjel madwar Malta u Għawdex fejn jidher ċar li għal darba oħra reġa’ hemm problemi li ma ġewx solvuti minkejja li l-iskejjel f’dawn il-jiem qed jiftħu mill-ġdid wara l-btajjel tas-sajf.

Il-Partit Nazzjonalista jesprimi tħassib serju dwar in-nuqqas kbir ta’ LSEs li qed jifni s-sena skolastika l-ġdida, kif irrappurtat anke fi storja ppubblikata mill-ġurnal Times of Malta fl-aħħar sigħat.

L-istudenti li jeħtieġu l-għajnuna m’għandhomx jibqgħu mingħajr l-appoġġ li għandhom bżonn biex jattendu u jipparteċipaw b’mod sħiħ fl-edukazzjoni. Minkejja l-wegħdiet li saru, għad hemm familji li qed jistennew tweġibiet u tfal li għandhom bżonn l-appoġġ meħtieġ biex ikollhom l-istess opportunitajiet edukattivi bħal sħabhom.

Filwaqt li l-Gvern qed jgħid li se jiżdied in-numru ta’ LSEs fil-jiem li ġejjin, huwa inaċċettabbli li n-nuqqas ta’ LSEs hekk kif qed tibda l-iskola reġa’ qed jikkawża stress lil ħafna familji, b’ġenituri jiġu infurmati li m’hemmx biżżejjed Learning Support Educators biex ilaħħqu mad-domanda. L-inklużjoni tfisser li kull tifel u tifla jingħataw l-edukazzjoni bl-appoġġ neċessarju biex ħadd ma jaqa’ lura.

Dan huwa wkoll falliment totali fl-ippjanar. Il-Gvern ta’ Abela kellu sajf sħiħ biex jiżgura li dan ma jseħħx mal-bidu tas-sena skolastika l-ġdida. Il-piż ta’ dan in-nuqqas ta’ ppjanar qed iħallsu għalih il-familji u ġenituri li jkunu obbligati ma jmorrux għax-xogħol minħabba li f’ċertu każijiet, it-tfal ma jkunux jistgħu imorru l-iskola.

Huwa inaċċettabbli li l-Gvern ta’ Abela – li skont l-aħħar ċifri tal-NSO issa żied id-dejn pubbliku għal rekord ġdid ta’ €12-il biljun – qed isib il-flus għal kollox, imma mbagħad jidher li mhux isib biżżejjed fondi biex jiżgura numru adegwat ta’ LSEs fl-iskejjel. Dan minkejja l-wegħdiet ripetuti li għamel li kien se jsolvi din il-problema.

Fl-2022, il-Partit Laburista wiegħed qafas ġdid biex ikun jista’ jirrekluta aktar LSEs, b’kundizzjonijiet aħjar u aktar taħriġ speċjalizzat. Il-Manifest Elettorali Laburista kien wiegħed ukoll l-introduzzjoni tal-LSEs fiċ-ċentri tal-kura tat-tfal.

U fl-aħħar Manifest Elettorali, tal-elezzjoni ġenerali li għaddiet, fil-kapitlu dwar “Edukazzjoni Inklużiva” tispikka l-wegħda numru 41 li l-edukaturi se jingħataw taħriġ u refresher courses dwar l-inklużjoni fit-tagħlim. Jingħad ukoll li l-Learning Support Educators (LSEs) ikollhom l-opportunità li jispeċjalizzaw fl-assistenza fit-tagħlim għat-tfal bl-awtiżmu, l-ADHD u d-dyslexia, fost kundizzjonijiet newrodiverġenti oħra.

Illum, il-mistoqsija hija waħda ċara: x’sar minn dawn il-wegħdiet, u x’qed isir biex kull tifel u tifla jingħataw l-appoġġ li jeħtieġu? Inutli nwiegħdu li l-LSEs se jingħataw l-opportunità biex jispeċjalizzaw, jew kundizzjonijiet aħjar, meta lanqas biss hemm LSEs biżżejjed biex ilaħħqu mad-domanda.

Robert Abela u l-Gvern tiegħu jridu jagħtu rendikont ta’ x’ġie implimentat, x’għadu pendenti u meta se jiġu indirizzati n-nuqqasijiet li qed jaffettwaw lit-tfal u lill-familji tagħhom.

Il-Partit Nazzjonalista qed jitlob lill-Gvern biex jispjega b’mod ċar x’inhuma l-passi konkreti li se jieħu biex din il-problema tiġi indirizzata, u f’liema żmien dawn se jkunu implimentati.

Graziella Galea
Shadow Minister għall-Inklużjoni

Jerome Caruana Cilia
Shadow Minister għall-Edukazzjoni u ċ-Ċittadinanza

Ivan Bartolo
Shadow Minister għall-Politika Soċjali, il-Familja u l-Housing Soċjali

Norma Camilleri
Kelliema għall-Politika dwar il-Familja u t-Tfal

28.09.2026