Il-Gvern jimblokka l-Parlament milli jiddiskuti l-Abbozz tal-Oppożizzjoni li kien jimplimenta r-rakkomandazzjonijiet tal-Inkjesta Pubblika ta’ Daphne Caruana Galizia
Il-Partit Nazzjonalista jqis dan bħala tentattiv ċar biex il-Gvern juża l-maġġoranza parlamentari tiegħu mhux biex jiffaċilita d-dibattitu, iżda biex iwaqqaf diskussjoni fuq proposta konkreta li tittratta rakkomandazzjonijiet li ħarġu minn Inkjesta Pubblika ta’ importanza nazzjonali.
Il-Gvern illum għażel li juża l-proċedura parlamentari biex jimblokka lill-Parlament milli jiddiskuti l-Omnibus Bill, l-abbozz imressaq mill-Oppożizzjoni biex jiġu implimentati rakkomandazzjonijiet tal-Inkjesta Pubblika dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.
Dan ħareġ waqt laqgħa tal-Kumitat Permanenti dwar ix-Xogħol tal-Kamra, li fiha l-Partit Nazzjonalista kien rappreżentat mill-Whip tal-Oppożizzjoni Ivan Castillo u mid-Deputat Michael Piccinino.
Kif inhuma l-affarijiet illum, il-Gvern għadu ma ressaqx il-Mozzjoni ta’ Proċedura li għandha tirregola kif se jitqassam ix-xogħol parlamentari matul din il-leġiżlatura. Fin-nuqqas tagħha, japplikaw l-Ordnijiet Permanenti tal-Kamra, li jipprovdu spazju regolari għax-xogħol imressaq minn Membri Privati, spazju li tradizzjonalment jintuża mill-Oppożizzjoni biex tressaq il-mozzjonijiet u l-abbozzi ta’ liġi tagħha.
Il-Gvern ilu mill-bidu ta’ din il-leġiżlatura jkaxkar saqajh biex iressaq din il-Mozzjoni ta’ Proċedura.
Fil-fatt, meta waqt il-laqgħa tal-lum il-Whip tal-Gvern spjegat l-aġenda prevista għall-ewwel jiem tax-xogħol parlamentari, ma saret ebda referenza għall-preżentazzjoni ta’ Mozzjoni ta’ Proċedura.
Kien biss wara li r-rappreżentanti tal-Oppożizzjoni avżaw lill-Kumitat dwar ix-Xogħol tal-Kamra li kienu se jużaw il-ġurnata allokata għax-xogħol tal-Membri Privati biex jiġi diskuss l-abbozz imressaq mill-Oppożizzjoni li l-Whip tal-Gvern ħabbret li nhar it-Tnejn il-Gvern se jressaq Mozzjoni ta’ Proċedura.
Skont dak indikat mill-Gvern illum, din il-Mozzjoni ta’ Proċedura se tipprovdi li l-ewwel 90 jum allokati għax-xogħol tal-Membri Privati jiġu riżervati għal mozzjonijiet imressqa minn Membri tal-Gvern li mhumiex fil-Kabinett.
Dan ifisser li, permezz ta’ Mozzjoni ta’ Proċedura li l-Gvern għażel li jħabbar biss wara li sar jaf bl-intenzjoni tal-Oppożizzjoni, il-Gvern se jkun qiegħed effettivament jimblokka lill-Parlament milli jiddiskuti l-abbozz tal-Oppożizzjoni dwar l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-Inkjesta Pubblika ta’ Daphne Caruana Galizia.
Il-Partit Nazzjonalista jqis dan bħala tentattiv ċar biex il-Gvern juża l-maġġoranza parlamentari tiegħu mhux biex jiffaċilita d-dibattitu, iżda biex iwaqqaf diskussjoni fuq proposta konkreta li tittratta rakkomandazzjonijiet li ħarġu minn Inkjesta Pubblika ta’ importanza nazzjonali.
Il-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jinsisti li l-Parlament jingħata l-opportunità jiddiskuti u jiddeċiedi dwar dawn il-proposti.
28.09.2026