Il-Partit Nazzjonalista se jibqa’ spalla ma’ spalla mal-istudenti għax huma l-preżent u l-futur ta’ pajjiżna
Matul żjara fil-Freshers' Week fil-Junior College, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg qal li l-PN se jibqa’ spalla ma’ spalla mal-istudenti għax huma l-preżent u l-futur ta’ pajjiżna.
Il-Partit Nazzjonalista se jibqa’ spalla ma’ spalla mal-istudenti għax huma l-preżent u l-futur ta’ pajjiżna.
Dan kien il-messaġġ ewlieni tal-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg meta żar il-Junior College fl-Imsida, hekk kif bħalissa għaddejja l-Freshers’ Week fil-bidu tas-sena akkademika li tmiss.
Wara li ntlaqa’ mit-tmexxija tal-Kulleġġ, il-Kap tal-PN tkellem mal-istudenti li awguralhom sena akkademika ġdida mimlija suċċess, esperjenzi ġodda u opportunitajiet fl-istudji tagħhom.
Alex Borg qal li l-politika għandha tkun iffukata fuq il-ġenerazzjoni futura, biex Malta tkun pajjiż aħjar u biex l-ekonomija toffri opportunitajiet ta’ xogħol aħjar liż-żgħażagħ.
Semma wkoll l-isfidi li jiffaċċjaw ta’ kull sena l-istudenti u l-letturi, filwaqt li saħaq li l-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jkun ta’ sostenn għalihom, anke bil-proposti fil-qasam tal-edukazzjoni li l-PN se jkun qed iressaq fil-Parlament meta jerġa’ jiftaħ.
Għal din iż-żjara fil-Junior College, il-Kap tal-PN kien akkumpanjat mix-Shadow Minister għall-Edukazzjoni u ċ-Ċittadinanza Jerome Caruana Cilia u mix-Shadow Minister għaż-Żgħażagħ, il-Benesseri u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali Eve Borg Bonello.
29.09.2026







