Ħajja itwal trid tfisser ħajja aktar f’saħħitha, attiva, sigura u b’dinjità
AĦBAR

Ħajja itwal trid tfisser ħajja aktar f’saħħitha, attiva, sigura u b’dinjità

Alex Borg qal li t-tema magħżula min-Nazzjonijiet Uniti għal din is-sena – Ngħixu aktar: Infasslu sistemi aħjar għal ħajja itwal – tirrifletti l-ħtieġa li l-politika u s-servizzi jinbidlu biex jilqgħu għar-realtà ta’ popolazzjoni li qed tgħix aktar fit-tul. Taqbel ukoll mal-miżuri li qed jipproponi l-PN għall-anzjani tagħna.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg jindirizza attività tal-APAN fl-okkażjoni tal-Jum Internazzjonali tal-Anzjani

F’soċjetà fejn in-nies qed jgħixu aktar, irridu nfasslu sistemi li jiżguraw li ħajja itwal tkun ukoll ħajja aktar f’saħħitha, aktar attiva, finanzjarjament sigura u fuq kollox b’dinjità.

Dan qalu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg waqt attività organizzata mill-Assoċjazzjoni Pensjonanti Anzjani Nazzjonalisti, l-APAN, li saret dalgħodu fid-Dar Ċentrali tal-PN fl-okkażjoni tal-Jum Internazzjonali tal-Anzjani li jitfakkar għada, l-1 ta’ Ottubru.

Alex Borg qal li t-tema magħżula min-Nazzjonijiet Uniti għal din is-sena – Ngħixu aktar: Infasslu sistemi aħjar għal ħajja itwal – tirrifletti l-ħtieġa li l-politika u s-servizzi jinbidlu biex jilqgħu għar-realtà ta’ popolazzjoni li qed tgħix aktar fit-tul. Taqbel ukoll mal-miżuri li qed jipproponi l-PN għall-anzjani tagħna.

Huwa qal li l-anzjani għandhom kontribut enormi x’jagħtu llis-soċjetà u huma riżorsa importanti għall-familji, għall-komunitajiet u għall-ekonomija. Ħafna anzjani jibqgħu jagħtu lill-komunità, fost l-oħrajn permezz tal-volontarjat, tal-esperjenza tagħhom u tal-għajnuna li jagħtu lill-familji.

Fl-istess waqt, qal Alex Borg, dawk l-anzjani li ma jkunux jistgħu jibqgħu jgħixu b’mod indipendenti għandhom jingħataw il-kura, il-wens u l-appoġġ li għandhom bżonn, kemm fil-komunitajiet kif ukoll fi djar tal-anzjani.

Il-Kap tal-PN irrefera għall-25 proposta li l-Partit Nazzjonalista ressaq fl-aħħar programm elettorali tiegħu, fosthom tisħiħ tal-kura fil-komunità, servizz ta’ mediċini fid-djar għal anzjani b’mobbiltà limitata, aktar appoġġ għal min ikollu live-in carer, aktar ċentri għal persuni bid-dimensja, aktar djar tal-anzjani fil-komunità, pensjonijiet aħjar u aktar ġusti, kif ukoll rikonoxximent akbar għal dawk li jkunu waqfu mix-xogħol biex jieħdu ħsieb membri tal-familja.

Alex Borg qal li l-isfida tal-lonġevità għandha titqies bħala opportunità biex pajjiżna jibni sistema li tagħti lill-persuni anzjani l-għażla, is-sigurtà u d-dinjità li jixirqilhom f’kull stadju ta’ ħajjithom.

Waqt l-attività għall-anzjani organizzata mill-APAN, li bdiet b’quddiesa, saru wkoll messaġġi tal-okkażjoni mill-Viċi Kap tal-PN Alex Perici Calascione, mis-Segretarju Ġenerali Charles Bonello, u mill-President tal-APAN Joe Zahra. Twassal ukoll messaġġ mill-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola.

Qabel id-diskorsi, l-editur ta’ il-Mument Joe Mikallef mexxa diskussjoni dwar l-anzjani u l-problemi li qed iħabbtu wiċċhom magħhom bis-sehem tax-Shadow Minister għall-Anzjanità Attiva Paula Mifsud Bonnici u x-Shadow Minister għall-Politika Soċjali, il-Familja u l-Housing Soċjali Ivan Bartolo. L-attività tmexxiet minn Joe Chetcuti.

30.09.2026