Il-Qorti tiċħad il-kawża ta’ Keith Schembri kontra tliet Membri Parlamentari tal-Oppożizzjoni

Għall-Partit Nazzjonalista, din is-sentenza tikkonferma li d-Deputati tiegħu kienu qed iwettqu dmirhom li jagħmlu skrutinju parlamentari meta, quddiem verżjonijiet ġuramentati li ma jaqblux bejniethom, talbu lill-awtorità kompetenti tinvestiga.

Il-Qorti ċaħdet it-talbiet ta’ Keith Schembri fil-kawża kostituzzjonali li kien fetaħ kontra l-President tal-Kumitat Permanenti dwar il-Kontijiet Pubbliċi Darren Carabott, u l-Membri Parlamentari tal-Oppożizzjoni fuq l-istess Kumitat Parlamentari David Agius u Graham Bencini, wara l-ħidma tagħhom fil-PAC b’rabta mal-investigazzjoni dwar il-kuntratti tal-Electrogas.

Il-kawża kienet infetħet wara li, f’April tal-2023, it-tliet Membri Parlamentari tal-Oppożizzjoni ressqu rapport quddiem il-Kummissarju tal-Pulizija fejn talbuh jinvestiga verżjonijiet kunfliġġenti li kienu ngħataw taħt ġurament, fosthom dawk ta’ Keith Schembri u tal-Professur Edward Scicluna.

Fis-sentenza tagħha, il-Qorti ċaħdet it-talba ta’ Keith Schembri li l-aġir tat-tliet Deputati kien kiser id-drittijiet fundamentali tiegħu. Il-Qorti osservat ukoll li d-denunzja tagħhom ma kinitx iddeterminat min xehed falz, iżda kienet ressqet il-verżjonijiet kunfliġġenti quddiem il-Kummissarju tal-Pulizija biex dan jinvestigahom.

Għall-Partit Nazzjonalista, din is-sentenza tikkonferma li d-Deputati tiegħu kienu qed iwettqu dmirhom li jagħmlu skrutinju parlamentari meta, quddiem verżjonijiet ġuramentati li ma jaqblux bejniethom, talbu lill-awtorità kompetenti tinvestiga.

Dak li jibqa’ mingħajr tweġiba huwa x’sar minn dik it-talba lill-Kummissarju tal-Pulizija.

Għaddew aktar minn tliet snin minn meta d-Deputati Nazzjonalisti ressqu r-rapport tagħhom quddiem il-Kummissarju tal-Pulizija. Il-kwistjoni li ressqu kienet ċara: quddiem verżjonijiet kunfliġġenti mogħtija taħt ġurament, kellu jiġi stabbilit jekk sarx sperġur u, jekk iva, minn min.

Il-Partit Nazzjonalista għalhekk qed jerġa’ jitlob lill-Kummissarju tal-Pulizija jagħti rendikont dwar x’passi ttieħdu fuq ir-rapport imressaq f’April tal-2023 u jekk l-investigazzjoni twettqitx.

Il-PN jirringrazzja lill-avukati Dr Peter Fenech u Dr Luigi Fenech għall-assistenza professjonali tagħhom f’dawn il-proċeduri.

30.09.2026