Il-kunsillieri tal-PN fil-Belt Valletta jiddiżassoċjaw ruħhom minn deċiżjoni li ttieħdet bla ma kienu infurmati; itennu l-impenn tagħhom biex jinstabu soluzzjonijiet
Il-Belt Valletta hija patrimonju tal-poplu Malti u Għawdxi kollu, u bħala Beltin irridu niżguraw li nħarsu dan il-wirt imprezzabbli u dak kollu li jsawwar lil beltna. Dan, madanakollu, ma jfissirx li bħala kunsill għandna d-dritt noħonqu l-libertà tal-espressjoni – dritt sagrostant ta’ kull ċittadin.
Il-libertà tal-espressjoni ta’ kulħadd għandha tiġi rispettata u ħadd m’għandu jinħeba wara skużi biex iċaħħad lil xi grupp partikolari ta’ nies milli jeżerċita d-dritt tal-espressjoni libera
Il-Kunsilli Lokali f’pajjiżna jissejħu Gvern Lokali, u qegħdin hemm biex jirrappreżentaw lill-poplu u jiddefendu d-drittijiet tiegħu, inkluż id-dritt tal-libertà tal-espressjoni.
Il-Kunsill tal-Belt Valletta m’għandux ikun eċċezzjoni.
Il-kunsillieri tal-Partit Nazzjonalista fil-Belt Valletta qatt ma ġew ikkonsultati dwar it-talbiet li saru minn għaqdiet tas-soċjetà ċivili biex jitwaħħlu posters li jfakkru d-disa’ snin mill-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia. Wisq inqas kienu jafu li l-applikazzjoni li saret minn dawn l-għaqdiet ġiet rifjutata mill-kunsill li suppost jiffurmaw parti minnu.
Huwa ta’ tħassib kif filwaqt li f’pajjiżna għaddejja diskussjoni dwar l-introduzzjoni ta’ liġijiet li jħarsu lill-ġurnalisti u li jsaħħu l-ġurnaliżmu, xi ħadd fil-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta qabad u rrifjuta t-talba ta’ dawn l-għaqdiet mingħajr ma informa lill-kunsillieri bid-deċiżjoni.
Huwa serju aktar u inaċċettabbli li s-Sindku l-ewwel qal li ma kienx konxju ta’ din id-deċiżjoni u issa, wara li ttieħdet, qed jitkellem daqslikieku kien hu li ħa din id-deċiżjoni u qed jiddefendiha.
Il-Belt Valletta hija patrimonju tal-poplu Malti u Għawdxi kollu, u bħala Beltin irridu niżguraw li nħarsu dan il-wirt imprezzabbli u dak kollu li jsawwar lil beltna. Dan, madanakollu, ma jfissirx li bħala kunsill għandna d-dritt noħonqu l-libertà tal-espressjoni – dritt sagrostant ta’ kull ċittadin.
Anzi, dan ifisser li fejn hemm xkiel għal din il-libertà, għandna nkunu kapaċi nsibu soluzzjonijiet. Bħala kunsillieri, għandna l-obbligu li niltaqgħu u nitkellmu ma’ kull persuna li tixtieq tesprimi ruħha fil-belt kapitali u m’għandniex ninħbew wara skużi frivoli biex niċħdu d-dritt tal-libertà tal-espressjoni ta’ xi grupp partikolari ta’ nies.
Għaldaqstant, bħala Kunsillieri Nazzjonalisti, niddiżassoċjaw ruħna minn din l-attitudni u ntennu l-impenn tagħna biex tinstab soluzzjoni li taħdem għal kulħadd bla ma ssir ħsara lill-belt kapitali tagħna.
Ylenia Montfort
Minority Leader u Kunsilliera tal-Partit Nazzjonalista fil-Belt Valletta
Roberta Bonello Felice
Kunsilliera tal-Partit Nazzjonalista fil-Belt Valletta
Vince Fabri
Kunsillier tal-Partit Nazzjonalista fil-Belt Valletta
01.10.2026