Aktar minn nofs in-negozji tal-familja f’pajjiżna qed jaraw il-profitti tagħhom jistaġnaw, jew saħanistra jonqsu

Dan l-istħarriġ, li sar flimkien mal-kumpanija EMCS, juri li minkejja li kellhom turnover ogħla, 55% tan-negozji tal-familja tant qed jiffaċċjaw spejjeż li xorta mhux jiżdidilhom id-dħul u ma raw l-ebda żieda fil-profitti tagħhom, inkella addirittura naqsilhom il-profitt. Huma biss 37% li rrappurtaw sew żieda fid-dħul kif ukoll profitti ogħla.

Stħarriġ tal-Malta Chamber jikkonferma l-istess inċertezza ta’ diversi stħarriġ ieħor preċedenti f’dan is-settur tant importanti għall-ekonomija tal-pajjiż

L-aħbar li aktar minn nofs in-negozji tal-familja f’pajjiżna qed jaraw il-profitti tagħhom jistaġnaw inkella jonqsu, hija preokkupanti u turi li dawn il-kumpaniji żgħar mhux qed iħossu t-tkabbir ekonomiku li tant jiftaħar bih il-Gvern.

U fid-dawl tat-twissijiet tal-aħħar jiem dwar il-qagħda finanzjarja u ekonomika tal-pajjiż ftit ġimgħat biss qabel ma l-Gvern iressaq il-budget tiegħu għas-sena d-dieħla, is-sitwazzjoni għal dawn in-negozji żgħar ma tantx tawgura tajjeb.

L-istħarriġ ta’ The Malta Chamber ippubblikat dalgħodu, li jkompli fix-xejra tal-aħħar stħarriġ tal-SME Barometer ippubblikat ftit xhur ilu dwar il-previżjonijiet tal-intrapriżi żgħar u medji, jikkonferma l-inċertezza li teżisti f’dan is-settur tant importanti għall-ekonomija ta’ pajjiżna.

Dan l-istħarriġ, li sar flimkien mal-kumpanija EMCS, juri li minkejja li kellhom turnover ogħla, 55% tan-negozji tal-familja tant qed jiffaċċjaw spejjeż li xorta mhux jiżdidilhom id-dħul u ma raw l-ebda żieda fil-profitti tagħhom, inkella addirittura naqsilhom il-profitt. Huma biss 37% li rrappurtaw sew żieda fid-dħul kif ukoll profitti ogħla.

Inkwetanti wkoll il-fatt li n-negozji tal-familja aktar qed iqattgħu ħinhom jagħmlu dak li l-Kamra Maltija tal-Kummerċ issejjaħlu “firefighting” milli jippjanaw għall-futur. Li jfisser li l-parti l-kbira tan-negozji tal-familja qed ikollhom jiffaċċjaw problemi urġenti u jaħlu ħafna ħin fuq bażi regolari jippruvaw jindirizzaw problemi li jinqalgħu minn jum għal jum – xi ħaġa li mhix tippermettilhom jippjanaw fit-tul.

L-istess stħarriġ jindika li dawn il-problemi, f’90% tal-każi, ikunu problemi marbutin mal-operat, fosthom dawk li jinvolvu l-ħaddiema.

Jidher ukoll li f’dan is-settur qed jinħoloq distakk bejn negozji tal-familja żgħar ħafna u dawk kbar. B’dawn iż-żewġ kategoriji jirrappurtaw titjib waqt li l-faxxa tan-nofs issofri l-aktar u taqa’ lura.

Dan huwa stħarriġ ieħor li għandu jiftaħ għajnejn Robert Abela li r-realtà għan-negozji hija ferm ’il bogħod mill-istampa sabiħa li jipprova jpinġi l-Gvern Laburista.

Ikompli jikkonferma wkoll dak li ilu jgħid il-Partit Nazzjonalista – li pajjiżna jinħtieġ titjib fil-mudell ekonomiku li jkun ibbażat fuq il-kwalità, li jinċentiva lin-negozji tal-familja u l-SMEs, li jipprovdi l-assistenza meħtieġa fit-titjib tal-ħiliet tal-ħaddiema, u li fuq kollox jattira l-investiment.

Huwa ċar li d-direzzjoni ekonomika li miexi fiha pajjiżna mhix qed taspira fiduċja u ottimiżmu fis-sidien tan-negozji fil-pajjiż.

Fil-fatt l-istħarriġ juri wkoll li l-akbar problema għal dawn in-negozji hija li jsibu u jżommu l-ħaddiema, bi kważi 80% jwieġbu li l-akbar uġigħ ta’ ras għalihom hi li jsibu persuni bil-ħiliet meħtieġa u biex iżommu lil dawn il-ħaddiema. Problema oħra li tissemma hija ż-żieda fl-ispejjeż fejn għal darba oħra aktar min-nofs, 54%, jgħidu li l-payroll costs qed jiżdidulhom b’rabta ferm aktar mgħaġġla milli qed jiżdidilhom id-dħul.

L-Oppożizzjoni ilha snin tinsisti biex il-Gvern jindirizza d-diversi sfidi li qed jiffaċċja dan is-settur u ressqet numru ta’ proposti biex il-poplu Malti ma jibqax iħabbat wiċċu ma’ problemi u sfidi li ħoloq dan il-Gvern stess. Sfortunatament, iżda, kull proposta mressqa mill-Oppożizzjoni, ġiet injorata mill-Gvern Laburista.

Michael Piccinino
Shadow Minister għas-Self Employed, l-Intrapriżi ż-Żgħar u l-Koperattivi

Darren Carabott
Shadow Minister għall-Ekonomija, it-Teknoloġija u l-Proġetti Strateġiċi

01.10.2026