Il-PN se jivvota favur l-emendi għall-Att dwar l-Intrapriża Soċjali, iżda l-Gvern issa jrid jieqaf ikaxkar saqajh
Dawn l-emendi għandhom ikunu l-aħħar pass qabel l-implimentazzjoni effettiva tal-liġi. Issa rridu naraw lill-Gvern jaġixxi, biex l-intrapriżi soċjali f’Malta jkollhom finalment il-qafas, ir-rikonoxximent u l-appoġġ li ilhom jistennew.
Il-Partit Nazzjonalista se jkun qed jivvota favur l-emendi għall-Att dwar l-Intrapriża Soċjali.
Madankollu, ma nistgħux ninjoraw il-fatt li din il-liġi kienet approvata unanimament mill-Parlament fl-2022 u, erba’ snin wara, għadha ma ddaħħlitx fis-seħħ bl-iskuza li l-Gvern ried jemenda ligi li daħħal hu stess qabel ma jdaħħal l-istess liġi fis-seħħ.
Dan huwa dewmien li ma kellux iseħħ, speċjalment meta l-intrapriżi soċjali jagħmlu ħafna ġid fis-soċjetà tagħna, joħolqu opportunitajiet għal persuni li jistgħu jsibuha aktar diffiċli fis-suq tax-xogħol, isaħħu l-komunitajiet u juru li l-ekonomija tista’ toħloq mhux biss profitt, iżda wkoll valur soċjali.
Dan id-dewmien jirrifletti wkoll mudell ekonomiku tal-Gvern li jkejjel is-suċċess kważi esklussivament bin-numri u bit-tkabbir ekonomiku, minflok ukoll bil-kwalità tal-ħajja u bl-impatt li l-ekonomija għandha fuq in-nies.
Il-Partit Nazzjonalista ilu jinsisti li l-Gvern jieqaf ikaxkar saqajh u jagħti lil dan is-settur l-attenzjoni li jistħoqqlu. Għalhekk, filwaqt li nilqgħu dawn l-emendi u se nappoġġjawhom fil-Parlament, nistennew li din id-darba ma jkunx hemm aktar skużi jew dewmien.
Dawn l-emendi għandhom ikunu l-aħħar pass qabel l-implimentazzjoni effettiva tal-liġi. Issa rridu naraw lill-Gvern jaġixxi, biex l-intrapriżi soċjali f’Malta jkollhom finalment il-qafas, ir-rikonoxximent u l-appoġġ li ilhom jistennew.
Michael Piccinino
Shadow Minister għas-Self-Employed, l-Intrapriżi Żgħar u l-Koperattivi
07.10.2026