Il-każ tal-akkomodazzjoni soċjali fis-Siġġiewi jqajjem mistoqsijiet serji dwar l-ippjanar, is-sorveljanza u r-responsabbiltà fil-proġetti pubbliċi
Il-Partit Nazzjonalista qed jitlob lill-Gvern u lill-Awtorità tad-Djar biex jagħtu rendikont ċar ta’ x’wassal għal din is-sitwazzjoni, x’inhuma l-konsegwenzi finanzjarji tat-terminazzjoni tal-kuntratt u f’liema żmien realistiku dan il-proġett se jitlesta.
Il-Partit Nazzjonalista jinnota li l-Awtorità tad-Djar iddeċidiet li ttemm il-kuntratt mal-kuntrattur responsabbli mill-proġett ta’ akkomodazzjoni soċjali f’Wied Ħesri, fis-Siġġiewi, wara nuqqas ta’ progress fix-xogħlijiet u nuqqas ta’ osservanza tal-istruzzjonijiet mogħtija mill-periti u mill-managers tal-proġett.
Il-proġett, li jinvolvi 189 appartament, kellu jitlesta f’Lulju li għadda. Din is-sitwazzjoni tqajjem mistoqsijiet serji dwar kif proġett ta’ din l-importanza wasal f’dan l-istadju u x’qed isir biex dawk li qed jistennew akkomodazzjoni soċjali ma jibqgħux ibatu l-konsegwenzi ta’ dan id-dewmien.
Il-PN jisħaq li l-akkomodazzjoni soċjali mhijiex sempliċiment proġett ta’ kostruzzjoni. Warajha hemm familji, ġenituri waħidhom, persuni vulnerabbli u individwi li qed jistennew li jkollhom saqaf diċenti fuq rashom. Kull dewmien ifisser inċertezza u pressjoni addizzjonali fuq dawn il-persuni.
Għaldaqstant, il-Partit Nazzjonalista qed jitlob lill-Gvern u lill-Awtorità tad-Djar biex jagħtu rendikont ċar ta’ x’wassal għal din is-sitwazzjoni, x’inhuma l-konsegwenzi finanzjarji tat-terminazzjoni tal-kuntratt u f’liema żmien realistiku dan il-proġett se jitlesta.
L-Awtorità qalet ukoll li talbiet għal ħlasijiet addizzjonali mill-kuntrattur ġew ivverifikati b’mod indipendenti u nstabu li ma kinux dovuti. Għalhekk, il-PN jinsisti li l-interess pubbliku u l-ħarsien tal-flus tal-poplu għandhom jibqgħu prijorità assoluta.
Il-Partit Nazzjonalista jrid li jkun hemm trasparenza, sorveljanza effettiva u responsabbiltà f’kull proġett iffinanzjat mill-poplu. Mhuwiex biżżejjed li tittieħed azzjoni meta l-problemi jkunu diġà eskalaw; il-Gvern għandu jiżgura li jkun hemm kontroll u monitoraġġ effettivi mill-bidu.
Il-familji li qed jistennew dar jistħoqqilhom aktar minn wegħdiet u dewmien.
Jistħoqqilhom pjan ċar, skadenzi kredibbli u azzjoni konkreta.
Ivan Bartolo
Shadow Minister għall-Politika Soċjali, il-Familja u l-Housing Soċjali
09.10.2026