Inqas spejjeż għat-trasport tal-merkanzija lejn Malta jissarrfu f’aktar flus bil-bwiet tal-familji u n-negozji
Il-ħtieġa li jitnaqqsu l-piżijiet fuq it-trasport tal-merkanzija bil-vapur lejn Malta minħabba l-EU ETS, biex titrażżan il-pressjoni fuq il-prezzijiet għall-familji u tissaħħaħ il-kompetittività tan-negozji, kienet fiċ-ċentru ta’ żjara li għamel il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg lil Sullivan Maritime, rappreżentanti ta’ Grimaldi Group f’Malta u Valletta Gateway Terminals.
Il-Kap tal-PN Alex Borg f’laqgħa ma’ Sullivan Maritime, rappreżentanti ta’ Grimaldi Group, u Valletta Gateway Terminals
Il-ħtieġa li jitnaqqsu l-piżijiet fuq it-trasport tal-merkanzija bil-vapur lejn Malta minħabba l-EU ETS, biex titrażżan il-pressjoni fuq il-prezzijiet għall-familji u tissaħħaħ il-kompetittività tan-negozji, kienet fiċ-ċentru ta’ żjara li għamel il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg lil Sullivan Maritime, rappreżentanti ta’ Grimaldi Group f’Malta u Valletta Gateway Terminals.
Għaż-żjara kienu preżenti wkoll l-MEP Nazzjonalista Peter Agius, ix-Shadow Minister għall-Mobbiltà Sostenibbli Ivan Castillo u x-Shadow Minister għat-Tibdil fil-Klima u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir Julie Zahra.
Matul iż-żjara ġie diskuss l-impatt tas-sistema Ewropea għan-negozjar ta’ kwoti tal-emissjonijiet, l-ETS, fuq l-ispejjeż tat-trasport marittimu u kif dawn jistgħu jimpattaw b’mod negattiv il-prezzijiet tal-prodotti u tal-materja prima li jidħlu f’pajjiżna.
Alex Borg saħaq li l-għoli tal-ħajja jibqa’ prijorità għall-Partit Nazzjonalista. L-ispejjeż tat-trasport tal-merkanzija jolqtu kemm lill-familji fix-xiri ta’ kuljum kif ukoll lin-negozji li jimportaw, jipproduċu u jesportaw. Għalhekk, il-konnettività ta’ Malta trid tkun parti integrali mid-diskussjoni dwar il-prezzijiet u l-kompetittività.
Malta tiddependi fuq it-trasport marittimu għall-provvista tal-merkanzija, mingħajr konnessjoni bit-triq jew bil-ferrovija mal-kontinent Ewropew. Din ir-realtà trid titqies fid-deċiżjonijiet Ewropej biex pajjiżna ma jitpoġġiex fi żvantaġġ minħabba l-pożizzjoni ġeografika tiegħu.
F’dan il-kuntest, ġiet diskussa l-proposta mressqa mill-MEP Nazzjonalista Peter Agius għal tnaqqis temporanju ta’ 50% fl-ETS applikabbli għat-trasport bl-ajru u bil-baħar lejn u mill-gżejjer, bi tneħħija gradwali tad-deroga sal-2040 jew inkella sakemm issir proċedura globali ta’ Net Zero Framework mill-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (IMO). Din il-proposta, li għadha mhix approvata, għandha l-għan li tnaqqas il-piż fuq il-konnettività tal-gżejjer filwaqt li tkompli tħeġġeġ l-investiment fi trasport aktar nadif.
Il-Partit Nazzjonalista enfasizza li kwalunkwe tnaqqis fl-ispejjeż għandu jgħaddi għand il-klijenti tal-kumpaniji tat-tbaħħir u, fl-aħħar mill-aħħar, għand il-konsumatur. Il-ħarsien tal-ambjent u t-tnaqqis tal-emissjonijiet għandhom jimxu id f’id ma’ miżuri li jqisu l-ħtiġijiet speċifiċi ta’ Malta. Din il-miżura għandha ttaffi mill-piżijiet tal-kumpaniji tat-tbaħħir flimkien mas-sussidju mħabbar għall-merkanzija li qed tinġarr bil-katamaran.
Tul din iż-żjara, il-Kap tal-PN seta’ jsegwi ftit mill-operat loġistiku, u jifhem aħjar l-isfidi u s-soluzzjonijiet marbutin ma’ dan il-qasam.
Din iż-żjara tifforma parti mid-djalogu kontinwu tal-PN mas-settur marittimu, bi tħejjija għall-konferenza nazzjonali li se jorganizza fl-4 ta’ Diċembru dwar il-konnettività, il-kompetittività, l-infrastruttura u t-tranżizzjoni ambjentali.
10.10.2026


