Nistgħu niksbu aktar mit-turiżmu mingħajr ma nżidu l-pressjoni fuq il-pajjiż
Waqt laqgħa bejn delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista u membri tal-MHRA, l-assoċjazzjoni tal-lukandi u r-ristoranti f’pajjiżna, il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-PN Alex Borg qal li l-Partit Nazzjonalista dejjem emmen u investa bis-sħiħ f’dan il-qasam li baqa’ kruċjali għall-ekonomija Maltija.
Il-Kap tal-PN Alex Borg jiddiskuti t-triq ’il quddiem fl-industrija tat-turiżmu mal-MHRA
Irridu ntejbu l-prodott Malta permezz ta’ ppjanar b’viżjoni u b’ambizzjoni, biex ngħollu l-istandards tal-prodott li noffru, u biex it-turiżmu jibda jrendi aktar lil pajjiżna b’inqas pressjoni fuq il-poplu u fuq l-infrastruttura. Il-qabża mill-kwantità għall-kwalità trid issir prijorità permezz ta’ politika effettiva li tiġi applikata, mhux waħda li tibqa’ fuq il-karta.
Waqt laqgħa bejn delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista u membri tal-MHRA, l-assoċjazzjoni tal-lukandi u r-ristoranti f’pajjiżna, il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-PN Alex Borg qal li l-Partit Nazzjonalista dejjem emmen u investa bis-sħiħ f’dan il-qasam li baqa’ kruċjali għall-ekonomija Maltija.

Huwa sema’ b’interess il-proposti tal-MHRA kif ukoll it-tħassib tagħha dwar il-fatt li, minkejja li n-numru tat-turisti qed jiżdied, il-btajjel tat-turisti qed ikunu iqsar u l-kwalità mhux dejjem qed tkun dik mixtieqa.
Iż-żewġ naħat qablu li dan is-settur qed jiffaċċja numru ta’ sfidi fosthom l-indafa pubblika, l-infrastruttura li mhix qed tlaħħaq, it-traffiku, u l-problema tad-drenaġġ fil-baħar.
Kien hemm qbil ukoll li jeħtieġ inħarsu aktar lill-belt kapitali għaliex minkejja li kulħadd jaqbel li għandha tkun ikkunsidrata bħala destinazzjoni ta’ eċċellenza, qed titlef il-karattru uniku tagħha u qed issir tixbah lokalitajiet aktar magħrufa għad-divertiment milli għall-kultura.
Iż-żewġ naħat iddiskutew ukoll il-bżonn li nbiddlu l-mod kif Malta tiġi rreklamata u l-importanza ta’ kampanja li tagħmilha ċara lit-turist li filwaqt li rridu li jgawdi dak kollu li Malta għandha x’toffri, fl-istess ħin irid jirrispetta lil pajjiżna u lill-poplu Malti.
Il-qabża minn volum għal valur tfisser mhux biss aktar dħul fl-ekonomija tal-pajjiż, imma anke inqas pressjoni u bżonn ta’ infurzar.
L-MHRA spjegat il-bosta proposti tagħha lid-delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista u l-Kap tal-PN qal li ż-żewġ naħat jaqblu fuq il-maġġoranza tal-prinċipji, u li jonqos biss ir-rieda politika biex pajjiżna jagħmel l-ewwel passi fid-direzzjoni li jeħtieġ li naqbdu fl-industrija tat-turiżmu.

Preżenti għal din il-laqgħa flimkien mal-Kap tal-PN kien hemm ukoll il-Viċi Kap tal-PN u Shadow Minister għat-Turiżmu Alex Perici Calascione; ix-Shadow Minister għall-Ekonomija, it-Teknoloġija u l-Proġetti Strateġiċi Darren Carabott; ix-Shadow Minister għall-Ippjanar Rebekah Borg u l-Kelliem għall-Avjazzjoni John Baptist Camilleri.
Il-laqgħa saret fl-Uffiċċju tal-Kap tal-Oppożizzjoni fil-Belt Valletta u hi waħda minn sensiela ta’ laqgħat ta’ qabel il-budget mal-imsieħba soċjali fid-diversi oqsma.
12.10.2026