L-edukaturi jridu jkunu fil-qalba tat-tfassil tal-policies fl-edukazzjoni
AĦBAR

L-edukaturi jridu jkunu fil-qalba tat-tfassil tal-policies fl-edukazzjoni

L-edukaturi jridu jkunu fil-qalba tat-tfassil tal-politika fl-edukazzjoni. Bħalissa għandna Gvern li qed  ifassal policies fl-edukazzjoni mingħajr ma jisma’ lill-edukaturi, u meta dawn il-policies qed jiġu implimentati mhux qed isir il-monitoraġġ meħtieġ biex jiġu evalwati r-riżultati tagħhom.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-PN Alex Borg f’laqgħa mal-UPE dwar l-edukaturi u l-isfidi li qed jiffaċċjaw

L-edukaturi jridu jkunu fil-qalba tat-tfassil tal-politika fl-edukazzjoni.

Bħalissa għandna Gvern li qed  ifassal policies fl-edukazzjoni mingħajr ma jisma’ lill-edukaturi, u meta dawn il-policies qed jiġu implimentati mhux qed isir il-monitoraġġ meħtieġ biex jiġu evalwati r-riżultati tagħhom.

Waqt laqgħa mal-Union of Professional Educators, il-UPE, bħala parti mil-laqgħat bi tħejjija għall-Budget 2027, il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg ddiskuta d-diversi sfidi li qed jaffettwaw lill-edukaturi u l-qasam tal-edukazzjoni, fosthom in-nuqqasijiet minħabba affarijiet li jsiru mingħajr ippjanar, anke fin-nefqa fir-riżorsi.

Huwa tkellem dwar il-ħtieġa li ninvestu aktar fl-edukaturi tagħna kemm fil-Learning Support Educators, fil-Kindergarten Educators kif ukoll fl-għalliema.

Il-Kap tal-PN esprima wkoll tħassib dwar jekk il-kurrikulu hux qiegħed verament jilħaq il-bżonnijiet tal-istudenti, b’mod partikolari f’suġġetti importanti bħax-xjenza u l-matematika u jekk is-sistema hux qed tagħti lill-istudenti l-ħiliet fil-ħsieb kritiku meħtieġa biex ikollna soċjetà ta’ ħassieba.

Huwa rrefera wkoll għall-iskejjel tas-snajja’ u l-importanza li pajjiżna jkollu skejjel speċjalizzati li jsiru bi pjan serju biex dawn ma jispiċċawx jieħdu reputazzjoni negattiva minflok ma jkunu meqjusa skejjel li jagħtu taħriġ speċjalizzat.

Alex Borg qal li l-Partit Nazzjonalista jrid ikompli din id-diskussjoni fuq livell aktar mifrux permezz ta’ Konferenza Nazzjonali dwar l-edukazzjoni.

Min-naħa tagħha, il-UPE esprimiet id-diżappunt għall-wegħdi fl-edukazzjoni li ma nżammewx fl-aħħar snin, b’mod partikolari l-assistenza lill-għalliema, risk assessments xierqa fl-iskejjel, it-titjib fl-ambjent fl-iskejjel – fosthom dawk li għadhom mingħajr sistema tal-arja kkundizzjonata – u skejjel li għadhom mhux aċċessibbli għax mingħajr lift.

Preżenti wkoll għal din il-laqgħa fl-uffiċċju tal-Kap tal-Oppożizzjoni fil-Belt Valletta kien hemm il-Kelliem tal-PN għar-Riċerka u l-Innovazzjoni George Vital Zammit u l-Kelliema għall-Politika dwar il-Familja u t-Tfal Norma Camilleri.

13.10.2026