Il-PN jilqa’ r-rikonoxximent tal-Mediterran bħala prijorità strateġika fis-Summit tal-Partit Popolari Ewropew
Fis-Summit tal-Partit Popolari Ewropew (PPE) li sar dalgħodu fi Brussell, il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg tkellem dwar l-importanza li l-Parlament Ewropew jagħraf l-isfidi u l-iżvantaġġi li għandhom gżejjer bħal Malta u Għawdex, u kellu l-opportunità jiddiskuti man-negozjatur ewlieni tal-Parlament Ewropew u Viċi President tal-PPE u tal-Grupp tal-Partit Popolari Ewropew fil-Parlament Ewropew Siegfried Mureșan dwar l-importanza li l-budget li jmiss tal-UE jqis l-iżvantaġġi tal-gżejjer.
Fi Brussell, il-Kap tal-PN Alex Borg jisħaq fuq attenzjoni speċjali lill-istati gżejjer; jieħu sehem fid-diskussjonijiet favur budget Ewropew li jagħraf l-isfidi li għandhom gżejjer bħal Malta
Fis-Summit tal-Partit Popolari Ewropew (PPE) li sar dalgħodu fi Brussell, il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg tkellem dwar l-importanza li l-Parlament Ewropew jagħraf l-isfidi u l-iżvantaġġi li għandhom gżejjer bħal Malta u Għawdex, u kellu l-opportunità jiddiskuti man-negozjatur ewlieni tal-Parlament Ewropew u Viċi President tal-PPE u tal-Grupp tal-Partit Popolari Ewropew fil-Parlament Ewropew Siegfried Mureșan dwar l-importanza li l-budget li jmiss tal-UE jqis l-iżvantaġġi tal-gżejjer.
Il-Partit Nazzjonalista laqa’ l-fatt li s-Summit għaraf lin-naħa tan-Nofsinhar tal-Ewropa bħala prijorità strateġika flimkien man-naħa tal-Lvant. Dan ir-rikonoxximent jirrifletti l-prijorità li ressaq il-Kap tal-PN Alex Borg f’isem Malta u Għawdex.
Fil-proċess ta’ tħejjija tad-dikjarazzjoni, il-PN ressaq proposta biex tissaħħaħ ir-referenza għall-Mediterran. It-test finali jappella għal aktar investiment u sħubija aktar b’saħħitha mal-pajjiżi Mediterranji, b’koperazzjoni dwar is-sigurtà marittima, ir-reżiljenza tal-enerġija, il-ġestjoni tal-migrazzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u t-traffikar tal-persuni.
Alex Borg enfasizza li l-kompetittività Ewropea trid twassal għal benefiċċji konkreti għall-familji u n-negozji Maltin. Id-dikjarazzjoni tal-PPE titlob li l-policies Ewropej ma joħolqux spejjeż addizzjonali fuq l-enerġija u li l-Istati Membri jingħataw l-akbar spazju possibbli għal għajnuna nazzjonali temporanja, immirata u mfassla skont il-ħtiġijiet, fil-limiti tal-qafas ekonomiku Ewropew u filwaqt li titħares is-sostenibbiltà fiskali.
Id-dikjarazzjoni tisħaq ukoll fuq it-tnaqqis tal-burokrazija, it-tisħiħ tas-Suq Waħdieni Ewropew u aktar opportunitajiet għan-negozji, fosthom permezz tal-inizjattiva “One Europe, One Market”. Dawn huma prijoritajiet importanti għal ekonomija żgħira u miftuħa bħal dik ta’ Malta.
Il-PN jerġa’ jisħaq li fil-politika Ewropea tat-trasport marittimu għandhom jitqiesu r-realtajiet ġeografiċi tal-gżejjer. Il-Partit Nazzjonalista jappoġġja d-dekarbonizzazzjoni tas-settur, iżda qed jinsisti fuq reviżjoni tas-sistema Ewropea għall-kwoti tal-emissjonijiet (ETS) biex jitnaqqsu l-piżijiet sproporzjonati fuq il-konnettività u tkun evitata kompetizzjoni inġusta għall-portijiet Maltin. Il-PN jibqa’ favur qafas globali effettiv taħt l-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (IMO).
Fuq l-Ukrajna, id-dikjarazzjoni finali ttenni l-appoġġ Ewropew għas-sovranità tagħha. Fil-qasam tas-sigurtà, tirrikonoxxi wkoll il-ħtieġa li tiġi rispettata n-newtralità. Alex Borg saħaq li l-impenji Ewropej għandhom jibqgħu jirrispettaw in-newtralità kostituzzjonali ta’ Malta u l-pożizzjoni tal-PN dwar il-finanzjament tal-armamenti.
Is-Segretarju Internazzjonali tal-PN u Deputat Parlamentari Beppe Galea akkumpanja lil Alex Borg fi Brussell u ressaq il-proposta tal-PN dwar il-Mediterran f’isem il-Kap tal-PN matul it-tħejjija tad-dikjarazzjoni. Il-PN se jkompli jaħdem fi ħdan il-PPE biex ir-realtajiet ta’ Malta u Għawdex jibqgħu fuq l-aġenda Ewropea.
Fi Brussell, Alex Borg kellu wkoll taħditiet ma’ diversi mexxejja, fosthom il-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen, il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola, il-Prim Ministru Ungeriż Péter Magyar u l-President tal-PPE Manfred Weber. Tul iż-żjara tiegħu, iltaqa’ wkoll mal-MEPs tal-Partit Nazzjonalista David Casa u Peter Agius.
15.10.2026






