Il-qasam tal-catering jeħtieġ għajnuna konsistenti u infrastruttura li taħdem
AĦBAR

Il-qasam tal-catering jeħtieġ għajnuna konsistenti u infrastruttura li taħdem

Alex Borg qal li se jibqa’ jimbotta l-proposta li għamel il-Partit Nazzjonalista biex ir-rata tal-VAT għall-istabbilimenti tal-ikel tinżel għal 7%, għaliex din hi miżura li mhux biss tgħin lill-istabbilimenti jnaqqsu l-ispejjeż, imma tinċentivahom ukoll biex itejbu s-servizz u l-prodott tagħhom. Huwa qal li din il-miżura toħloq level playing field u tagħti ħafna aktar stabbiltà lil dawn l-istabbilimenti milli fond ta’ darba li ma jipprovdix soluzzjoni fit-tul.

Il-Kap tal-PN Alex Borg f’laqgħa mal-ACE; jiddiskuti kif is-settur tal-catering jista’ jopera aħjar u jegħleb l-isfidi

Infrastruttura aktar soda, u għajnuna konsistenti u mhux ta’ darba, jistgħu jgħinu l-qasam tar-ristoranti u l-catering biex jopera aħjar u joffri prodott u servizz aqwa.

Waqt laqgħa mal-Assoċjazzjoni tal-Istabbilimenti tal-Ikel, il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg qal li filwaqt li dan hu settur reżiljenti, illum qed jiffaċċja numru ta’ sfidi. Fosthom huwa semma l-problemi bil-provvista tad-dawl li rġajna esperjenzajna dan is-sajf, u li tellfu ħafna xogħol lil dawn l-istabbilimenti.

Alex Borg qal li se jibqa’ jimbotta l-proposta li għamel il-Partit Nazzjonalista biex ir-rata tal-VAT għall-istabbilimenti tal-ikel tinżel għal 7%, għaliex din hi miżura li mhux biss tgħin lill-istabbilimenti jnaqqsu l-ispejjeż, imma tinċentivahom ukoll biex itejbu s-servizz u l-prodott tagħhom. Huwa qal li din il-miżura toħloq level playing field u tagħti ħafna aktar stabbiltà lil dawn l-istabbilimenti milli fond ta’ darba li ma jipprovdix soluzzjoni fit-tul.

B’referenza għal din il-miżura, l-uffiċjali tal-Association of Catering Establishments (ACE) qalu li din tħalli akar flus anke f’termini ta’ taxxi u qalet li mhux qed tifhem għaliex il-Gvern qed jibqa’ jirrifjuta li jdaħħalha.

Huma qalu wkoll li għad m’għandhomx ħjiel dwar meta se jkunu qed jibbenefikaw mill-fond imwiegħed lilhom mill-Gvern qabel l-elezzjoni.

L-ACE qed tisħaq ukoll fuq il-bżonn ta’ investiment akbar fit-taħriġ fil-qasam tal-ospitalità, u rrimarkat dwar il-fatt li l-industrija qed titlef nies ta’ esperjenza fis-settur li, għax qed jieħdu l-pensjoni, ma jistgħux jibqgħu jaħdmu.

Il-kelliema tal-Partit Nazzjonalista qablu li jrid isir aktar biex iżjed żgħażagħ Maltin u Għawdxin jerġgħu jibdew iħarsu lejn il-catering bħala qasam fejn jistgħu jibnu l-karriera tagħhom. 

Din il-laqgħa tagħmel parti minn sensiela ta’ laqgħat li qed ikollu l-Partit Nazzjonalista mal-imsieħba soċjali qabel il-Budget 2027. Il-laqgħa saret fl-uffiċċju tal-Kap tal-Oppożizzjoni fil-Belt Valletta u għaliha kienu preżenti wkoll il-Viċi Kap tal-PN u Shadow Minister għat-Turiżmu Alex Perici Calascione; ix-Shadow Minister għall-Ekonomija, it-Teknoloġija u Proġetti Strateġiċi Darren Carabott u x-Shadow Minister għall-Gvern Lokali u x-Xogħlijiet Pubbliċi Bernice Bonello.

16.10.2026