Il-poplu jisħoqqlu tweġibiet, azzjoni u responsabbiltà serja dwar is-sigurtà f’pajjiżna
Wara l-każ tal-laptop, il-pajjiż għandu kull raġuni jitlob spjegazzjonijiet. L-inkjesta dwar dak il-każ, għalkemm ma sabitx evidenza ta’ attività kriminali, identifikat nuqqasijiet fil-proċeduri tas-sigurtà. Il-Ministru Glenn Bedingfield għandu jgħid x’sar mir-rakkomandazzjonijiet tagħha, liema miżuri ddaħħlu fis-seħħ u kif qed jiġi żgurat li dawn jiġu osservati.
Is-sejba ta’ mobiles fiċ-ċelel ta’ priġunieri involuti fl-agħar delitti f’pajjiżna tqajjem mistoqsijiet serji dwar is-sigurtà fil-ħabs u dwar kemm il-kontrolli li suppost hemm qed jaħdmu fil-prattika. Kif daħlu dawn l-apparati? Għal kemm żmien kienu hemm? Ma’ min sar kuntatt? U ntużaw biex titkompla attività kriminali minn ġewwa l-ħabs?
Dawn huma mistoqsijiet li jeħtieġu tweġibiet ċari, għax għandhom x’jaqsmu direttament mas-sigurtà tal-pajjiż u mal-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata.
Wara l-każ tal-laptop, il-pajjiż għandu kull raġuni jitlob spjegazzjonijiet. L-inkjesta dwar dak il-każ, għalkemm ma sabitx evidenza ta’ attività kriminali, identifikat nuqqasijiet fil-proċeduri tas-sigurtà. Il-Ministru Glenn Bedingfield għandu jgħid x’sar mir-rakkomandazzjonijiet tagħha, liema miżuri ddaħħlu fis-seħħ u kif qed jiġi żgurat li dawn jiġu osservati.
Bejn l-istampa li jipprova jagħtina l-Ministru li ma jħarsu lejn wiċċ ħadd u li ħadd mhu ’l fuq mil-liġi u r-realtà li qed toħroġ mill-ħabs, hemm baħar jaqsam. Dawn huma dikjarazzjonijiet li jridu jkunu sostnuti bil-fatti. Meta wara każ li kixef nuqqasijiet fis-sigurtà jerġgħu jinstabu mezzi ta’ komunikazzjoni fiċ-ċelel, l-assigurazzjonijiet waħedhom ma jistgħux iserrħu ras il-pubbliku.
Il-Ministru ħabbar investigazzjoni, u din hija meħtieġa. Iżda r-responsabbiltà tiegħu ma tispiċċax mat-tħabbira tagħha biex tingħata l-impressjoni li kollox taħt kontroll. Issa għandu jassigura li jiġi stabbilit kif daħlu l-mobiles, jekk kienx hemm negliġenza jew għajnuna minn xi ħadd, u li jittieħdu passi kontra kull min jinstab responsabbli.
Il-poplu ħandu dritt għal trasparenza dwar il-konklużjonijiet u l-miżuri li jittieħdu, filwaqt li jitħarsu l-investigazzjoni u d-dettalji sensittivi tas-sigurtà. Il-fiduċja tissaħħaħ meta n-nies jaraw li n-nuqqasijiet jiġu indirizzati u li min jonqos minn dmiru jwieġeb għal għemilu u mhux minn sempliciment stqarrijiet li ma jwasslu għal-imkien.
Il-Ministru Glenn Bedingfield għandu jagħti tweġibiet ċari u jerfa’ r-responsabbiltà politika tiegħu. Minn min għandu r-responsabbiltà nistennew spjegazzjonijiet, deċiżjonijiet u azzjoni. Il-pajjiż ilu biżżejjed jisma’ assigurazzjonijiet. Issa irridu riżultati.
Conrad Borg Manché
Shadow Minister għall-Intern u s-Sigurtà
17.10.2026