Kulħadd hu responsabbli li jħares il-wirt intanġibbli ta’ pajjiżna

Fl-okkażjoni tal-Jum Internazzjonali għall-Wirt Kulturali Intanġibbli, il-Partit Nazzjonalista jtenni l-impenn tiegħu favur l-importanza lejn il-ħarsien u l-promozzjoni tal-wirt kulturali intanġibbli Malti.

Fl-okkażjoni tal-Jum Internazzjonali għall-Wirt Kulturali Intanġibbli, il-Partit Nazzjonalista jtenni l-impenn tiegħu favur l-importanza lejn il-ħarsien u l-promozzjoni tal-wirt kulturali intanġibbli Malti.

Il-wirt kulturali intanġibbli hu parti essenzjali mill-identità nazzjonali tagħna u hu rifless fit-tradizzjonijiet u fil-mod kif ngħixu bħala soċjetà. Dawn mhumiex sempliċiment drawwiet li writna mill-passat, iżda espressjonijiet ħajjin u eżistenti tal-istorja, tal-valuri u tal-identità li jgħaqqdu lill-poplu Malti u Għawdxi.

Il-Partit Nazzjonalista jqis li l-ħarsien tal-wirt kulturali tagħna m’għandux ikun limitat għaż-żamma ta’ bini storiku u monumenti, iżda għandu jinkludi wkoll ir-riżorsa umana, l-aġenziji, l-entitajiet, l-għaqdiet u l-komunitajiet li jżommu dawn it-tradizzjonijiet intanġibbli.

Għalhekk, hu essenzjali li jingħataw l-appoġġ u r-riżorsi meħtieġa lill-għaqdiet volontarji, lill-każini tal-baned, lill-artiġjani, lill-kittieba, lill-artisti u lil dawk kollha li, b’impenn u b’dedikazzjoni, qed ikomplu jgħaddu l-għarfien u l-ħiliet tagħhom lill-oħrajn.

Madankollu, illum il-Partit Nazzjonalista jirringrazzja wkoll lil dawk li jaħdmu fil-qasam kulturali u storiku biex il-patrimonju Malti jinżamm ħaj u aċċessibbli anke f’dinja diġitali.

Il-Partit Nazzjonalista jisħaq ukoll fuq l-importanza li t-tfal u ż-żgħażagħ ikunu involuti b’mod attiv f’dan il-proċess u jkollhom aktar opportunitajiet edukattivi biex jagħrfu aktar il-wirt kulturali nazzjonali. Permezz ta’ hekk biss jista’ jkun żgurat li l-wirt tagħna jibqa’ ħaj, relevanti u apprezzat anke fil-futur.

Il-proposti tal-Partit Nazzjonalista fil-programm elettorali Nifs Ġdid jirriflettu din il-viżjoni, b’enfażi fuq il-ħarsien u t-trażmissjoni tat-tradizzjonijiet, l-appoġġ lill-għaqdiet kulturali u lill-mużewijiet, kif ukoll it-tisħiħ tar-rwol tal-kultura fil-komunitajiet tagħna. Dawn l-impenji għandhom jissarrfu f’azzjonijiet konkreti, b’politika kulturali li tagħraf il-valur tal-wirt tagħna u tappoġġja lil dawk li jaħdmu biex iżommuh ħaj.

Il-UNESCO tispjega kif il-Jum Internazzjonali għall-Wirt Kulturali Intanġibbli jservi bħala tfakkira li dan il-wirt hu teżor uniku iżda wkoll opportunità biex nagħrfu li r-responsabbiltà li nħarsuh ma taqax biss fuq l-istituzzjonijiet, iżda fuq is-soċjetà kollha.

Justin Schembri
Shadow Minister għall-Arti, il-Kultura u l-Wirt Nazzjonali

17.10.2026