Irridu niżguraw servizz tas-saħħa li jservi lill-pazjent aħjar u li jinċentiva akar lit-tobba
AĦBAR

Irridu niżguraw servizz tas-saħħa li jservi lill-pazjent aħjar u li jinċentiva akar lit-tobba

Irridu niżguraw li l-fondi pubbliċi jintużaw b’aktar għaqal biex ikollna servizz tas-saħħa li jservi sew lill-pazjent, filwaqt li jżomm lit-tobba u l-ħaddiema ta’ dan il-qasam inċentivati mingħajr ma jkompli jżid il-pressjoni fuqhom.

Il-Kap tal-PN f’laqgħa mal-Assoċjazzjoni Medika Maltija; diskussi l-isfidi fil-qasam tas-saħħa u x’jista’ jsir biex is-settur ma jibqax jitlef il-professjonisti

Irridu niżguraw li l-fondi pubbliċi jintużaw b’aktar għaqal biex ikollna servizz tas-saħħa li jservi sew lill-pazjent, filwaqt li jżomm lit-tobba u l-ħaddiema ta’ dan il-qasam inċentivati mingħajr ma jkompli jżid il-pressjoni fuqhom.

Waqt laqgħa mal-Assoċjazzjoni Medika Maltija (MAM), il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg qal li inħlew is-snin u ntefqu ħafna flus fil-qasam tas-saħħa li ma ssarfux f’titjib, la għall-pazjenti u lanqas għat-tobba.

Huwa rrefera għall-burnout Ii qed jesperjenzaw numru ta’ ħaddiema fil-qasam tas-saħħa, kif ukoll il-problema tal-iffullar fl-isptarijiet, li jfisser ukoll dewmien żejjed għall-pazjent.

Il-Kap tal-PN qal li l-Budget li jmiss irid jinvesti aktar fis-saħħa, fosthom fil-mediċini ta’ fuq il-Formularju, inkluż it-trattament tal-kanċer, kif ukoll irid jara li jagħti biżżejjed inċentivi lit-tobba u lill-ħaddiema tas-saħħa biex jibqgħu f’dan is-settur u ma jitilqux mill-pajjiż.

Huwa semma wkoll il-ħtieġa ta’ investiment serju u urġenti fil-kura tas-saħħa mentali, li spiss tissemma’ imma li għadha mhux qed tingħata l-prijorità li teħtieġ.

Il-membri tal-Assoċjazzjoni Medika tkellmu dwar il-bżonn ta’ inċentivi effettivi biex il-professjoni ma tkomplix titlef professjonisti fil-qasam, li qed jitilqu għax qed isibu opportunitajiet aħjar barra minn xtutna. Semmew ukoll il-pressjoni fuq l-isptarijiet biż-żieda fil-popolazzjoni u l-fatt li ma kienx hemm investiment biex is-servizz ilaħħaq mat-talba, u li s-sistema tal-IT tal-Isptar li mhux qed taħdem kif mixtieq għax baqgħet ma ġiet aġġornata qatt minn mindu fetaħ Mater Dei.

Għal din il-laqgħa kienu preżenti wkoll ix-Shadow Minister għall-Finanzi Adrian Delia, ix-Shadow Minister għas-Saħħa Stephen Spiteri u x-Shadow Minister għall-Ekonomija, it-Teknoloġija u Proġetti Strateġiċi Darren Carabott.

Il-laqgħa, li tagħmel parti mis-sensiela tal-lagħat ta’ qabel il-Budget, saret fl-uffiċċju tal-Kap tal-Oppożizzjoni fil-Belt Valletta.

20.10.2026