Is-suċċess ekonomiku jrid jissarraf f’pagi aħjar, negozji aktar b’saħħithom u kwalità ta’ ħajja aħjar
AĦBAR

Is-suċċess ekonomiku jrid jissarraf f’pagi aħjar, negozji aktar b’saħħithom u kwalità ta’ ħajja aħjar

Malta għandha t-talent u l-ħila biex tirnexxi. Issa jeħtieġ id-direzzjoni, id-dixxiplina u d-determinazzjoni biex it-tkabbir ekonomiku jissarraf fi progress li jinħass fil-ħajja tan-nies.

Il-Kap tal-PN Alex Borg jipproponi aġenda nazzjonali għall-produttività waqt il-Konferenza Annwali tal-EY

Malta għandha t-talent u l-ħila biex tirnexxi. Issa jeħtieġ id-direzzjoni, id-dixxiplina u d-determinazzjoni biex it-tkabbir ekonomiku jissarraf fi progress li jinħass fil-ħajja tan-nies.

Dan saħqu l-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg waqt il-Konferenza Annwali tal-EY, din is-sena bit-tema Future Realised 2026, fejn qal li pajjiż attraenti għall-investiment irid ikun ukoll pajjiż li jaħdem b’mod effiċjenti. Ma nistgħux nibqgħu nitolbu lill-investituri jemmnu fil-potenzjal tagħna, filwaqt li nistennewhom iġorru l-ispejjeż tan-nuqqasijiet tagħna.

Il-Kap tal-PN innota li, skont l-analiżi tal-EY, fl-2025 il-produzzjoni reali għal kull siegħa xogħol naqset. Filwaqt li ż-żieda fil-ħaddiema għenet lill-ekonomija tikber, issa għandna sinjali ċari li din waħedha ma tistax tibqa’ tiggarantixxi titjib fil-livell tal-għajxien. It-tkabbir irid isaħħaħ il-pedamenti tal-pajjiż u mhux iżid il-piż li jridu jġorru.

Il-Kap tal-PN qal li pajjiżna jrid jinvesti fil-ħiliet u fl-edukazzjoni, f’għajnuna biex in-negozji eżistenti jsiru aktar produttivi, f’qafas sod li jwassal biex idea intraprenditorjali ssir negozju, f’infrastruttura ppjanata għall-ekonomija u l-popolazzjoni tal-lum, kif ukoll f’tisħiħ tal-kompetizzjoni, tal-governanza u tad-dixxiplina fiskali. Huwa ppropona aġenda nazzjonali dwar il-produttività.

Alex Borg saħaq li l-ambizzjoni tagħna lkoll għandha tkun Malta fejn iż-żgħażagħ jistgħu jgħixu l-indipendenza tagħhom, fejn in-negozji jkollhom il-mezzi biex jinvestu, il-ħaddiema jkollhom l-għodod u t-taħriġ biex jaqilgħu pagi aħjar, u l-familji jgawdu aktar ħin flimkien għax il-pajjiż jaħdem aħjar.

“Il-prosperità tiġi mill-produttività, il-fiduċja mill-kredibbiltà u t-tmexxija titkejjel mir-riżultati. Dan huwa l-kapitlu li jmiss li rridu nibnu għal Malta. Il-mistoqsija li għandna quddiemna hija jekk hux se naġixxu fil-ħin.”

21.10.2026