L-Oppożizzjoni tressaq l-emendi tal-istakeholders għal-liġi tal-appelli tal-ippjanar
L-emendi li se tressaq fl-Istadju ta' Kumitat huma msejsa propju fuq din il-konsultazzjoni. Dan hu l-mod kif għandu jaħdem il-Parlament – il-Gvern inkluż.
Il-PN se jkun qed jivvota favur il-liġi iżda jinsisti li fadal ħafna aktar xi jsir fis-settur tal-ippjanar; l-Oppożizzjoni se tressaq emendi fl-istadju ta’ Kumitat
L-Oppożizzjoni se tmur għall-Istadju ta’ Kumitat b’sett ta’ emendi li ħarġu mill-konsultazzjoni pubblika tagħha mal-istakeholders, ladarba jagħlaq it-Tieni Qari tal-liġi l-ġdida dwar l-appelli tal-ippjanar il-ġimgħa d-dieħla. L-emendi se jagħlqu l-lakuni li għad hemm fil-liġi, u jiżguraw li taħdem fil-prattika.
Il-Partit Nazzjonalista ilu snin jitlob li x-xogħlijiet jieqfu waqt li appell ikun għadu pendenti, u naturalment se jivvota favur din il-liġi. Iżda jrid jingħad li din ir-riforma damet wisq biex waslet.
Fl-2023, il-Prim Ministru wiegħed li x-xogħlijiet jiġu sospiżi waqt l-appelli. Fl-istess sena fetaħ konsultazzjoni pubblika, iżda waqaf kollox hemm. Imbagħad, f’nofs is-sajf tal-2025, il-Gvern ressaq il-famużi Abbozzi 143 u 144 mingħajr ebda konsultazzjoni pubblika. Dawk l-abbozzi marru ferm lil hinn mill-appelli u kienu jagħmluha aktar diffiċli għaċ-ċittadini biex jikkontestaw permessi, fost klawżoli oħra kontroversjali. Għaqdiet ambjentali, residenti, studenti, professjonisti u l-Oppożizzjoni qamu kontrihom, eluf ta’ nies mxew fil-Belt Valletta, u l-Gvern kellu jagħmel pass lura. Dawk l-abbozzi qatt ma saru liġi.
Minkejja dan, matul id-dibattitu dwar din il-liġi fuq l-appelli, il-Ministru tal-Ippjanar iddeskriviha bħala ‘riforma kuraġġuża’. Sfortunatament, din ma hi xejn ħlief qatra f’oċean – l-inqas possibbli li seta’ jagħmel il-Gvern, għax m’għandux il-kuraġġ jagħmel riforma vera fl-ippjanar. Is-sistema tal-ippjanar teħtieġ ħafna aktar minn hekk.
Barra minn hekk, il-bieraħ il-Prim Ministru qal li l-konsultazzjoni hija xogħol il-Gvern biss. Il-Partit Nazzjonalista ma jaqbel xejn mal-Prim Ministru. Dan is-sajf, għall-kuntrarju ta’ kif spiss jagħmel meta jibqa’ għaddej romblu fuq kulħadd, il-Gvern għamel konsultazzjoni pubblika fuq il-liġi tal-appelli. Madankollu qatt ma ppubblika r-riżultat ta’ din il-konsultazzjoni, u l-liġi li ressaq fil-Parlament kienet prattikament l-istess bħal dik li ħareġ għall-konsultazzjoni. Dan juri kif din il-‘konsultazzjoni’ ma kienet xejn għajr eżerċizzju kożmetiku li l-Gvern għamel sforz il-pressjoni li kellu, imma mbagħad injora dak li ħareġ minnha. Li tikkonsulta lin-nies u mbagħad tinjora dak li jgħidulek ma jfissirx li qed tisma’.
L-Oppożizzjoni taf x’inhu dmirha. Għamlet il-konsultazzjoni pubblika tagħha u tkellmet ma’ għaqdiet ambjentali, professjonisti fis-settur, żviluppaturi, residenti u nies li għaddew huma stess mis-sistema tal-appelli. Il-biċċa l-kbira qablu mal-prinċipju, iżda indikaw ukoll fejn hemm bżonn titjib fil-liġi. Hu għalhekk li l-Oppożizzjoni se tkun qed tressaq l-emendi tagħha.
L-emendi li se tressaq fl-Istadju ta’ Kumitat huma msejsa propju fuq din il-konsultazzjoni. Dan hu l-mod kif għandu jaħdem il-Parlament – il-Gvern inkluż.
Il-Partit Nazzjonalista jieħu xogħlu bis-serjetà, u dan ifisser li jkellem lill-istakeholders kollha involuti u jaġixxi fuq dak li jisma’.
Għall-kuntrarju, il-Gvern naqas milli jagħmel dan. Imma din mhux l-ewwel darba.
Rebekah Borg
Shadow Minister għall-Ippjanar
22.10.2026