Dan il-Budget irid jindirizza l-akbar problemi tal-pajjiż
AĦBAR

Dan il-Budget irid jindirizza l-akbar problemi tal-pajjiż

“Aħna ħaqqna aħjar. M’għandniex naċċettaw li nqattgħu sigħat fit-traffiku, li sajf wara sajf nispiċċaw bla dawl, u nħallsu kontijiet id-doppju tan-normal, kif qed jiġri bħalissa, jew b’ibħra mimlija drenaġġ. M’għandniex nibqgħu naċċettaw dan kollu.”

F’Ħaż-Żebbuġ, il-Kap tal-PN jelenka l-prijoritajiet li għandu jkollu l-Budget ta’ għada; jgħid li dan il-Budget m’għandux iħares lejn l-elezzjoni li jmiss imma lejn il-ġenerazzjonijiet li jmiss

Jekk dan il-Budget ma jindirizzax l-aktar problemi evidenti tal-pajjiż, fis-snin li ġejjin il-poplu Malti u Għawdxi se jsib ma’ wiċċu problemi aktar.

Waqt attività politika dalgħodu, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg elenka dawk li għandhom ikunu l-prijoritajiet li jindirizza l-ewwel Budget wara li l-Gvern Laburista nieda l-viżjoni għall-pajjiż sal-2050.

Fost dawn hemm l-edukazzjoni u t-taħriġ li jkun marbut mal-pjan ekonomiku tal-pajjiż, bħalma sar meta Gvern Nazzjonalista fetaħ korsijiet fl-avjazzjoni biex wara seta’ jattira investiment qawwi f’dan is-settur li għadu jissarraf f’mijiet ta’ xogħlijiet ta’ kwalità.

Dan il-budget għandu jgħin lin-negozji biex jkunu aktar produttivi, b’għajnuna fl-AI, id-diġitalizzazzjoni, it-teknoloġija, u r-robotizzazzjoni. Alex Borg qal li n-negozji qed jistaqsu fejn marru l-mitt miljun ewro li wiegħed il-Gvern is-sena  li għaddiet għal investiment fit-teknoloġija.

Huwa saħaq ukoll dwar il-bżonn ta’ triq ċara għan-negozji, intraprendituri u start-ups għall-internazzjonalizzazzjoni. Huwa qal li f’Malta għandna intraprendituri b’viżjoni u abbiltà. Bi Gvern li jemmen fihom u li jagħtihom l-għodda li jeħtieġu, l-intraprendituri Maltin jistgħu jkunu l-aqwa fid-dinja u jistgħu jieħdu s-suċċessi tagħhom lil hinn minn pajjiżna.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li dan il-Budget irid juri dixxiplina u direzzjoni fl-investiment kaptiali. Irid ikun hemm pjan serju u investiment li jsolvi l-problemi li għandna fl-enerġija, l-ilma, it-toroq, l-isptarijiet u s-servizzi pubbliċi.

Hu sostna li ilna s-snin ngħixu bil-medjokrità.

“Aħna ħaqqna aħjar. M’għandniex naċċettaw li nqattgħu sigħat fit-traffiku, li sajf wara sajf nispiċċaw bla dawl, u nħallsu kontijiet id-doppju tan-normal, kif qed jiġri bħalissa, jew b’ibħra mimlija drenaġġ. M’għandniex nibqgħu naċċettaw dan kollu.”

Dan il-Budget m’għandux iħares lejn l-elezzjoni li ġejja imma lejn il-ġenerazzjoni li jmiss – lejn it-tfal li għandhom ħolm u aspirazzjonijiet, biex niżguraw li jkunu jistgħu jwettqu l-ħolm u jilħqu l-aspirazzjonijiet tagħhom.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista rrefera għall-aħħar stħarriġ tal-EY li sab li kien biss 3% tat-tkabbir tal-pajjiż li ġie mill-produttività u li pajjiżna ra tnaqqis ta’ 0.9% fil-produttività reali għal kull siegħa ta’ xogħol.

53% ta’ dawk li pparteċipaw fl-istudju qalu li minkejja li ħadmu aktar u biegħu aktar, id-dħul tagħhom jew naqas jew baqa’ dak li kien.

Alex Borg irrefera għat-TomTom Traffic Index li juri li l-Maltin qed iqattgħu 94 siegħa fis-sena weqfin fit-traffiku – l-ekwivalenti ta’ 12-il ġurnata xogħol moħlija filwaqt li joħorġu 80 liċenzja ġdida għall-vetturi kuljum.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li hu mhux se jibqa’ jitkellem dwar Gvern alternattiv, imma fuq Gvern aqwa. “Fl-erba’ snin li ġejjin, il-PN irid jaħdem biex jikseb aktar fiduċja biex, bħal ma għamel meta ngħaqad biex sirna Malta Indipendenti u meta ħadem biex sirna Malta Ewropea, nerġgħu nissaħħu biex inkunu Gvern aqwa minn dan tal-lum”.

Indirizzaw din l-attività wkoll ix-Shadow Minister għall-Finanzi Adrian Delia u x-Shadow Minister għall-Ekonomija, Teknoloġija u Proġetti Strateġiċi Darren Carabott.

Adrian Delia qal li erba’ xhur ilu kellna Partit Laburista li kien qed ipinġi stampa li turi li Malta hi l-aqwa fid-dinja. Illum, għandna Prim Ministru li qed jitkellem mod u Ministru tal-Finanzi li qed jitkellem kompletament differenti. 

Ftit xhur ilu kellna l-elezzjoni u l-Partit Laburista pinġa stampa li turi Malta li hi l-aqwa fid-dinja. Issa, erba’ xhur wara għanda verżjoni differenti tal-Partit Laburista.

“Kemm smajna li ‘Mal-Labour taf fejn qiegħed’? Illum nistaqsu ‘Ma’ liema Labour? Ma’ dak ta’ Robert Abela jew ma’ dak ta’ Clyde Caruana?”  

Adrian Delia qal li dan il-Gvern ibbaża kollox fuq mudell ekonomiku li daħħalna f’ċirku vizzjuż li jiddependi biss fuq iż-żieda fil-popolazzjoni u li lilna ħalliena fgati, bla dawl u mwaħħlin fit-traffiku. Hu sostna li l-Partit Nazzjonalista ilu jipprovdi soluzzjonijiet u li, taħt it-tmexxija ta’ Alex Borg, Gvern Nazzjonalista jista’ jagħti direzzjoni ċara lill-pajjiż.

Fid-diskors tiegħu, Darren Carabott qal li l-Partit Nazzjonalista ma jridx ikun Oppożizzjoni aħjar imma jrid ikun Gvern aħjar. Huwa sostna li l-laqgħat mal-imsieħba soċjali fl-aħħar ġimgħat kienu laqgħat tajbin ħafna u li kkonfermaw li l-Partit Nazzjonalista jinsab miexi fid-direzzjoni t-tajba.

Huwa rrefera għal dak li qal Clyde Caruana li dan il-Budget hu wieħed ibbażat fuq deċiżjonijiet tajbin. “Fejn kienu dawn in-nies fl-aħħar tlettax-il sena? Mhux huma kienu fil-Gvern?” staqsa Carabott.

Huwa qal li l-Partit Nazzjonalista kapaċi jaspira u jwettaq bidla – Malta li taspira aktar fit-teknoloġija, Malta li tagħti tama ġdida liż-żgħażagħ, Malta b’sistema tat-trasport li tixiriqilha, Malta li tħares ir-reputazzjoni tagħha, u dan, sostna Darren Carabott, huwa possibbli. Il-Partit Nazzjonalista diġà wettaq ħafna fl-imgħoddi u kapaċi jwettaq aktar fis-snin li ġejjin.

Fil-bidu tal-attività, il-Kap tal-PN irringrazzja lill-Kumitati kollha tal-Partit Nazzjonalista għall-ħidma tagħhom, fosthom dak ta’ Ħaż-Żebbuġ, fejn saret l-attività tal-lum, u rringrazzja lil dawk kollha li tul is-snin ħadmu biex il-Partit Nazzjonalista llum għandu l-każini tiegħu bla ma seraqhom lil ħadd.

25.10.2026