Ekonomija b’saħħitha teħtieġ pjanar fit-tul
AĦBAR

Ekonomija b’saħħitha teħtieġ pjanar fit-tul

Il-Partit Nazzjonalista jemmen li ekonomija b’saħħitha teħtieġ ippjanar fit-tul, ċertezza għal min jinvesti u opportunitajiet biex il-ħaddiema jsaħħu l-ħiliet tagħhom.

Il-Kap tal-PN Alex Borg ikompli bil-laqgħat; żjara lil M. Demajo Group fejn ġew diskussi l-investiment u l-isfidi fl-intrapriża

Il-Partit Nazzjonalista jemmen li ekonomija b’saħħitha teħtieġ ippjanar fit-tul, ċertezza għal min jinvesti u opportunitajiet biex il-ħaddiema jsaħħu l-ħiliet tagħhom.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg dalgħodu żar id-diversi setturi tal-Grupp M. Demajo, bħala parti mil-laqgħat kontinwi li l-PN qed iżomm mas-setturi kollha tas-soċjetà biex jisma’ l-esperjenzi, l-isfidi u l-prijoritajiet tagħhom.

Huwa qal li l-Partit Nazzjonalista ilu jinsisti li t-tkabbir ekonomiku għandu jissarraf f’impjiegi ta’ kwalità, opportunitajiet ta’ avvanz u livell ta’ għajxien aħjar. Iċ-ċifri waħedhom mhux neċessarjament ifissru titjib, la għan-negozji u lanqas għall-ħaddiema.

Alex Borg qal li l-PN jemmen fid-djalogu kontinwu bħala parti essenzjali mill-ħidma tiegħu bi tħejjija biex ikun Gvern aħjar. Hu qal li l-esperjenzi ta’ min imexxi intrapriża u ta’ min jaħdem fiha jgħinu biex jitfasslu proposti konkreti li jwieġbu għall-ħtiġijiet tal-pajjiż.

Flimkien mal-Viċi Kap tal-PN u Deputat Alex Perici Calascione u mad-Deputati tal-PN Michael Piccinino, Graham Bencini u Andrew Agius, il-Kap tal-PN żar lil Multi Packaging Ltd, fil-Qasam Industrijali ta’ Bulebel fiż-Żejtun, M. Demajo Wines & Spirits f’Ħaż-Żebbuġ u Demajo Technology Centre f’Birkirkara.

Il-laqgħa kompliet fl-uffiċċju ewlieni tal-Grupp fil-Belt Valletta. Permezz ta’ din iż-żjara, id-delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista setgħet tosserva mill-qrib attivitajiet differenti fi ħdan l-istess grupp, mill-manifattura u l-kummerċ sat-teknoloġija. Huma rrimarkaw kif il-grupp għaraf jiddiversifika l-investiment tiegħu u jimxi maż-żminijiet.

Min-naħa tagħhom id-diretturi ta’ M. Demajo Group elenkaw numru ta’ sfidi li qed jiffaċċjaw. Fost l-oħrajn semmew l-impatt li se jkollhom il-miżuri tal-Gvern fil-konfront tal-ħaddiema barranin fuq in-negozju tagħhom u fuq il-prezzijiet, l-ispejjeż għall-importazzjoni u l-esportazzjoni, kif ukoll in-nuqqas ta’ direzzjoni ċara fejn jidħol il-futur tax-xogħol f’pajjiżna.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg qal li dan it-tip ta’ żjarat u laqgħat jgħinu lill-PN iżomm kuntatt dirett mal-intrapriżi. Dan huwa importanti biex il-politika tkun imfassla fuq ir-realtajiet li jħabbtu wiċċhom magħhom dawn l-intrapriżi u l-ħaddiema.

Il-PN se jkompli jiltaqa’ mas-setturi kollha tas-soċjetà biex jibni politika li twieġeb għall-isfidi tal-lum u tħejji lil Malta u Għawdex għall-futur.

30.10.2026