Il-Partit Nazzjonalista jipproponi li l-eko-kontribuzzjoni miżjuda fit-turiżmu tkun tapplika biss bejn Mejju u Ottubru
It-turiżmu għandu jagħti kontribut ġust għall-infrastruttura u l-ambjent ta’ pajjiżna, iżda ż-żieda fil-kontribuzzjoni li ħabbar il-Gvern fil-Budget m’għandhiex tapplika tul is-sena kollha, imma għandha tapplika biss fil-peak season.
Waqt attività politika dalgħodu fl-Uffiċċju tal-Kap tal-Oppożizzjoni fil-Belt Valletta, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg qal li fis-sitt xhur l-oħra tas-sena, meta ħafna negozji fis-settur turistiku jkollhom inaqqsu l-prezzijiet tagħhom sabiex jibqgħu kompetittivi, m’għandhomx bżonn il-piż finanzjarju addizzjonali li tefa’ fuqhom il-Gvern.
Alex Borg qal li din il-miżura ttieħdet mingħajr pjan serju, bħalma ttieħdu l-miżuri b’rabta mal-ħaddiema barranin. Madankollu l-Gvern ma qalilniex x’inhuma l-miri tiegħu għal dawn il-miżuri. Issa, iż-żidiet fl-ispejjeż b’rabta ma’ dawn il-miżuri se jispiċċaw iħallsu għalihom in-negozji, u fl-aħħar mill-aħħar il-konsumatur. Huwa qal li għall-iżbalji tal-Gvern iħallsu n-nies.
Alex Borg qal li dan kien Budget li jara sal-ponta ta’ mnieħru, li ma tax viżjoni ta’ kif se jsaħħaħ in-negozji, il-familja u l-ħaddiema u li baqa’ jiddependi fuq iż-żieda fil-ħaddiema barranin.
Indirizzaw din l-attività wkoll ix-Shadow Minister għall-Ġustizzja, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Joe Giglio u x-Shadow Minister għall-Anzjani Paula Mifsud Bonnici.


Joe Giglio qal li dan hu Budget li se jibqa’ mfakkar għal dak li ma indirizzax – it-traffiku, l-infrastruttura, il-problemi taż-żgħażagħ biex jixtru proprjetà, il-problema fl-isptarijiet u fl-iskejjel tagħna, u l-ġustizzja. Il-Gvern, qal Joe Giglio, reġa’ naqas li jagħti direzzjoni ġdida lill-pajjiż.
Huwa sostna li pajjiżna jeħtieġ politika b’viżjoni biex insaħħu l-produttività. Id-Deputat Nazzjonalista qal li l-Partit Nazzjonalista jemmen li pajjiżna jista’ jsaħħaħ l-ekonomija permezz ta’ niċeċ ekonomiċi ġodda mingħajr ma nżidu l-pressjoni fuq il-pajjiż, u mingħajr ma nużaw u narmu lill-ħaddiema.
Ix-Shadow Minister għall-Anzjani Paula Mifsud Bonnici qalet li l-Partit Nazzjonalista jilqa’ dejjem kull miżura li tgħin lill-anzjani. Iżda dan il-Budget ma wettaqx il-wegħdi li għamel il-Labour qabel l-elezzjoni, inkluż il-wegħda qarrieqa ta’ €50 fil-ġimgħa żieda meta dan il-Budget ta żieda reali lill-anzjani ta’ €3.59.
Hija sostniet ukoll li l-miżuri fil-konfront tal-ħaddiema barranin jista’ jkollhom impatt negattiv fuq l-anzjani u s-servizzi li jużaw li spiss jingħataw minn dawn il-ħaddiema. Paula Mifsud Bonnici qalet li dan il-Budget reġa’ nesa d-djar tal-anzjani.
Għada t-Tnejn, il-Kap tal-Oppożizzjoni se jkun qed jagħmel id-diskors tiegħu dwar il-Budget li ppreżenta l-Gvern nhar it-Tnejn li għadda.
01.11.2026




