Alex Borg: Flimkien, aħna Malta
AĦBAR

Alex Borg: Flimkien, aħna Malta

“M’għandniex għalfejn naqblu fuq kollox biex naħdmu għall-ġid tal-istess pajjiż. Il-Gvern ifittex f’min iwaħħal. Aħna nfittxu ma’ min naħdmu. Mhux Malti kontra Malti. Maltin flimkien għal Malta aħjar. Flimkien, aħna Malta."

Fid-diskors tiegħu dwar il-Budget, Alex Borg jgħid li l-PN irid politika li toffri direzzjoni u l-Gvern irid jieqaf mill-politika li tqiegħed lin negozji u lill-ħaddiema kontra xulxin

Il-Partit Nazzjonalista jrid politika li tgħaqqad is-suċċess tan-negozji ma’ pagi aħjar, investiment fil-ħiliet u aktar serħan tal-moħħ għall-familji, u qatt ma jista’ japprova politika li tpoġġi lil Malti kontra Malti.

Fid-diskors tiegħu għall-Budget 2027, il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg qal li l-PN qed joffri tmexxija li tgħaqqad lill-Maltin u lill-Għawdxin madwar direzzjoni ċara għall-pajjiż, minflok waħda li tqiegħed lil min jaħdem kontra min iħaddmu.

Tul id-diskors tiegħu, Alex Borg ressaq numru ta’ proposti biex il-bidla ekonomika li għandu bżonn il-pajjiż issir flimkien man-nies, mhux billi jitħallew iġorru l-piż tagħha waħedhom.

Il-Kap tal-PN qal li għandna Gvern li, minflok mhu qed jerfa’ r-responsabbiltà għad-deċiżjonijiet tiegħu, qiegħed iħalli lin-negozji, lill-ħaddiema u lill-konsumaturi jiġġieldu bejniethom fuq min minnhom se jħallas il-kont. Hu ddeskriva dan bħala l-attitudni ta’ Gvern għajjien, bla direzzjoni u bla pjan.

“Li tqiegħed Malti kontra Malti mhijiex soluzzjoni. Biex jirnexxi, in-negozju m’għandux għalfejn jitlef il-ħaddiem. U biex il-ħaddiem jgħix aħjar, għandna ngħinu lin-negozju joħloq aktar ġid, filwaqt li naraw li dak il-ġid jasal għandu wkoll.”

Alex Borg saħaq li l-PN irid iġib madwar l-istess mejda lil min jaħdem u lil min iħaddem, jisma’ l-ħtiġijiet tagħhom u jmexxi bidla li tagħti opportunitajiet lit-tnejn.

“Aħna Oppożizzjoni għal dan il-Gvern. Mhux għal parti mill-poplu. Imma għall-poplu kollu”.

Pjan għall-bidla, mhux pika fuq min se jħallas għaliha

Il-Kap tal-PN sostna li t-tkabbir tal-popolazzjoni għandha tkun ibbażata fuq pjan li jnaqqas id-dipendenza tal-ekonomija tagħna fuq l-ingaġġ ta’ aktar ħaddiema barranin. L-għan, qal, għandu jkun li jinħoloq aktar valur minn kull impjieg u li l-pajjiż ilaħħaq mal-ħtiġijiet tan-nies tiegħu.

Il-Kap tal-PN ressaq pjan ibbażat fuq erba’ punti fundamentali:

  • Ingaġġ skont il-ħtiġijiet tal-pajjiż: It-twaqqif ta’ awtorità li torbot il-ħtiġijiet tal-ekonomija mal-ħiliet meħtieġa u tirregola l-ingaġġ ta’ ħaddiema barranin skont il-bżonn, mhux bla pjan.
  • Investiment fil-ħaddiema: Għajnuna għat-taħriġ tal-ħaddiema li diġà qegħdin hawn u skemi għall-professjonisti Maltin li jixtiequ jirritornaw biex jaħdmu f’pajjiżhom.
  • Għotjiet għat-teknoloġija u l-innovazzjoni: Appoġġ lin-negozji għat-taħriġ, l-awtomazzjoni, id-diġitalizzazzjoni, ir-robotika u l-intelliġenza artifiċjali, biex ikunu jistgħu jgħollu l-valur tax-xogħol tagħhom.
  • Impjiegi skont il-bżonn tax-xogħol mhux tan-numri: Ingaġġ marbut ma’ postijiet tax-xogħol speċifiċi u ħtiġijiet reali, mhux maż-żieda fin-numri bħala għan fih innifsu.

Alex Borg saħaq li l-politika għandha tħeġġeġ lil min iħarreġ u jżomm il-ħaddiema, mhux taqta’ qalb lil min iħaddem li jinvesti fin-nies tiegħu. Fl-istess waqt, insista li l-ħaddiem ma hu propjetà ta’ ħadd. Għalhekk għandu jibqa’ ħieles li jfittex paga u kundizzjonijiet aħjar.

“Għodod aħjar. Ħiliet aħjar. Aktar valur mill-istess sigħat.”

Il-ġid għandu jinħass fil-ħajja ta’ kuljum

Il-Kap tal-PN rabat din id-direzzjoni ekonomika ma’ titjib konkret fil-ħajja tan-nies. Huwa kkonferma li Gvern Nazzjonalista jistabbilixxi, mill-ewwel Budget tiegħu, mira għat-tkabbir tal-paga medja — il-paga tal-ħaddiem li jinsab fin-nofs tal-iskala — fil-kuntest Ewropew u b’attenzjoni għal sa fejn tista’ twassal dik il-paga f’pajjiżna.

L-għan mhuwiex biss li titla’ l-paga medja, iżda li l-progress jasal għand firxa usa’ ta’ ħaddiema.

Alex Borg tkellem ukoll dwar il-housing affordabbli, fejn ġedded it-talba biex il-Gvern iwettaq il-proposta tal-PN għall-ħlas lura ta’ 50% tal-imgħax fuq is-self bankarju għax-xiri tal-ewwel residenza, għall-ewwel għaxar snin tas-self, bil-ħlas lura jsir kull xahar direttament fil-kont bankarju tax-xerrej.

Huwa sostna li l-interess tiegħu mhuwiex min jieħu l-mertu għall-proposta, iżda li l-familji jsibu l-għajnuna li għandhom bżonn.

Alex Borg laqa’ l-bonus ta’ €1,000 u kkonferma li Gvern immexxi mill-PN iżommu bħala bonus annwali. Saħaq, iżda, li din l-għajnuna waħedha mhijiex biżżejjed u għandha tkun akkumpanjata minn opportunitajiet u servizzi li jibqgħu jagħtu l-frott.

Għaqda li twassal għal servizzi aħjar

Il-Kap tal-PN qal li l-istess ħsieb għandu jmexxi l-edukazzjoni, is-saħħa u l-infrastruttura: l-istudent għandu jsib l-appoġġ meħtieġ, l-edukatur l-għodod biex jgħallem, u l-pazjent il-kura fil-ħin. Il-ħaddiema tas-servizzi pubbliċi għandhom jingħataw ir-riżorsi u t-tmexxija meħtieġa, mhux jitħallew iwieġbu huma għan-nuqqasijiet tal-ippjanar tal-Gvern.

Huwa appella wkoll għal Pjan Nazzjonali ta’ Reżiljenza għat-Tibdil fil-Klima, biex il-pajjiż iħejji l-infrastruttura tiegħu qabel il-kriżi, u mhux jaġixxi biss wara li l-familji u n-negozji jkunu ġarrbu l-ħsara.

Il-pajjiż qabel il-partit

Alex Borg ġedded l-istedina għal ftehim nazzjonali fuq bidliet li jeħtieġu aktar minn leġiżlatura waħda biex jitwettqu, bi qbil fuq id-direzzjoni, ir-riżorsi u r-responsabbiltà għar-riżultati. Huwa ddikjara li l-istess kejl li qiegħed jitlob mill-Gvern għandu japplika għall-PN ukoll.

“Il-Gvern jista’ jinbidel. Il-pajjiż m’għandux għalfejn jerġa’ jibda mill-bidu.”

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista temm b’appell biex id-differenzi fil-fehmiet ma jxekklux il-ħidma favur il-ġid komuni. Il-PN, qal, irid jgħaqqad lil min għandu ideat, ħiliet u rieda li jagħti sehmu, irrispettivament mill-kulur politiku tiegħu.

“M’għandniex għalfejn naqblu fuq kollox biex naħdmu għall-ġid tal-istess pajjiż. Il-Gvern ifittex f’min iwaħħal. Aħna nfittxu ma’ min naħdmu. Mhux Malti kontra Malti. Maltin flimkien għal Malta aħjar. Flimkien, aħna Malta.

02.11.2026

Ara ukoll l-paġna dwar il-Baġit