Maltin flimkien għal Malta aħjar
Il-Kap tal-PN insista fuq investiment fil-ħiliet tal-ħaddiema, biex b’hekk inkomplu nibnu pedament sod għal pajjiżna li ma jibqax jiddependi min-numri.
Irridu nkunu Maltin flimkien għal Malta aħjar.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet ma’ tmiem id-diskors tal-Kap tal-Oppożizzjoni dwar il-Budget, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg qal li llum għandna Gvern li qed jipprova jġelled lil min iħaddem mal-ħaddiem. Hu sostna li l-Partit Nazzjonalista jemmen f’politika differenti – politika li tgħaqqad.
Alex Borg qal li l-Partit Nazzjonalista qed jipprovdi direzzjoni f’investiment li jwassal għal tkabbir ekonomiku li jiddependi fuq niċeċ ekonomiċi ġodda minflok fuq iż-żieda fil-popolazzjoni. B’hekk nagħtu valur miżjud lill-ekonomija ta’ pajjiżna, filwaqt li l-kwalità tal-ħajja tan-nies titjieb.
Il-Kap tal-PN insista fuq investiment fil-ħiliet tal-ħaddiema, biex b’hekk inkomplu nibnu pedament sod għal pajjiżna li ma jibqax jiddependi min-numri.
Indirizza wkoll din il-konferenza tal-aħbarijiet ix-Shadow Minister għall-Finanzi Adrian Delia, li qal li dan il-Budget hu dikjarazzjoni ċara ta’ politika ekonomika li skadiet. Tenna li dan ammettieh il-Ministru tal-Finanzi stess fid-diskors tiegħu, fejn qal li issa hu ż-żmien li ninbidlu. Ikkonfermawh ukoll l-imsieħba soċjali, li ħafna minnhom iddeskrivewh bħala bla dettall, bla viżjoni differenti u li jirriskja li jitfa’ l-piżijiet fuq in-negozji u n-nies.
Adrian Delia qal li filwaqt li l-Ministru tal-Finanzi qed jgħid li hemm bżonn tibdil fil-mudell ekonomiku, il-Prim Ministru għadu jgħid li rridu nġibu 14,000 ħaddiem kull sena biex insostnu l-ekonomija. Kompla li l-Gvern m’għandux idea ta’ niċeċ ġodda li jistgħu jkabbru l-ekonomija ħlief b’aktar tkabbir tal-popolazzjoni.
Min-naħa tiegħu, ix-Shadow Minister għall-Ekonomija, it-Teknoloġija u l-Proġetti Strateġiċi Darren Carabott qal li dan il-Budget ħoloq opportunità lin-nies biex jindunaw li dan il-mudell ekonomiku ma fadallux futur. Hu qal li n-nies issa qed iħarsu lejn min jista’ jagħti futur b’viżjoni ekonomika għall-futur tan-negozji u l-familji Maltin.
Sostna li hu 3% biss tat-tkabbir tal-pajjiż li ġej mill-produttività. Darren Carabott qal li l-investituri qed jgħidulna biex ninvestu fil-ħiliet, kif ukoll li r-riżultati fl-edukazzjoni qed juru nuqqasijiet kbar. Imma l-Gvern qed jibqa’ jinjora dan kollu. Tkellem dwar it-traffiku, li qed jiswa €770 miljun fis-sena u dwar problemi oħra fis-setturi tas-saħħa u l-ambjent.
Hu qal li l-Partit Nazzjonalista jrid jerġa’ jagħti tama li l-ekonomija tista’ taħdem għan-nies u mhux in-nies għall-ekonomija. U dan permezz tal-viżjoni ċara, id-direzzjoni u r-rieda politika li għandu l-Partit Nazzjonalista.
02.11.2026
Ara ukoll l-paġna dwar il-Baġit



