Pajjiżna jeħtieġ pjan sostenibbli fit-tul għal ekonomija li sservi lin-nies
AĦBAR

Pajjiżna jeħtieġ pjan sostenibbli fit-tul għal ekonomija li sservi lin-nies

Waqt Business Breakfast fi Trident Park, l-għada tad-diskors tiegħu fil-Parlament dwar il-Budget li ppreżenta l-Gvern għas-sena d-dieħla, il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg iffoka fuq il-bżonn ta’ produttività ogħla, ħiliet aktar b’saħħithom, impjiegi ta’ kwalità, valur ekonomiku akbar għal kull viżitatur u futur aktar sostenibbli.

Waqt Business Breakfast bit-tema ‘Flimkien, aħna Malta’, il-Kap tal-PN Alex Borg jgħid li rridu nħarsu fit-tul u b’serjetà lejn politika li ssaħħaħ il-produttività u toffri kwalità ta’ ħajja aħjar lin-nies

Irridu nkunu ambizzjużi għal pajjiżna, irridu nippjanaw għal għaxar snin oħra, u rridu noħolqu ekonomija li żżid il-produttività reali u li fl-aħħar mill-aħħar tissarraf fi kwalità ta’ ħajja aħjar għan-nies. Irridu niżguraw li dan kollu jsir bla ma nagħtu xokkijiet lin-negozji u lill-ħaddiema.

Waqt Business Breakfast fi Trident Park, l-għada tad-diskors tiegħu fil-Parlament dwar il-Budget li ppreżenta l-Gvern għas-sena d-dieħla, il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg iffoka fuq il-bżonn ta’ produttività ogħla, ħiliet aktar b’saħħithom, impjiegi ta’ kwalità, valur ekonomiku akbar għal kull viżitatur u futur aktar sostenibbli.

Hu qal li pajjiżna jrid jinvesti aktar fl-AI u fit-teknoloġija biex nibqgħu kompetittivi. U dan il-Budget naqas li jiddirezzjona aktar investiment li jipprovdi kwalità u tittejjeb il-produttività.

Dwar it-turiżmu, il-Kap tal-PN qal li jeħtieġ politika li timxi mill-kwantità għall-kwalità għax, minkejja li qed inżidu n-numri u bihom il-pressjoni fuq l-infrastruttura ta’ pajjiżna, l-infiq tat-turist qed jonqos. Fl-2015 l-infiq medju għal kull persuna kien ta’ €919. Fl-2025 dan niżel għal €771 kull persuna.

Tkellem ukoll dwar l-infrastruttura u l-isfidi fl-enerġija, id-drenaġġ u t-traffiku, kif ukoll dwar l-impatt taż-żieda li ħabbar il-Gvern fl-eko-kontribuzzjoni fit-turiżmu u l-proposta li qed jagħmel il-Partit Nazzjonalista, li din iż-żieda tkun tapplika biss fil-peak season biex ma timpattax ħażin it-turiżmu fix-shoulder months.

Alex Borg ikkritika wkoll il-mod kif il-Gvern, wara snin jinjora l-problema, issa spiċċa jħabbar miżuri b’knee-jerk reaction għaż-żieda fil-popolazzjoni bla pjan. Sostna li l-PN ilu jitlob studji li juruna l-bżonnijiet reali tal-pajjiż biex inkunu nistgħu nieħdu deċiżjonijiet abbażi tagħhom.

Preżenti wkoll għal din il-laqgħa kien hemm il-Viċi Kap tal-PN u Shadow Minister għat-Turiżmu Alex Perici Calascione, is-Segretarju Ġenerali Charles Bonello, ix-Shadow Minister għall-Finanzi Adrian Delia u x-Shadow Minister għall-Ekonomija, Teknoloġija u Proġetti Strateġiċi Darren Carabott.

Matul din l-attività tkellem ukoll il-Viċi Kap tal-PN Alex Perici Calascione, li qal li kull deċiżjoni li tittieħed fuq skala nazzjonali trid tittieħed fil-kuntest tar-realtajiet tal-pajjiż u bi pjan, filwaqt li staqsa x’metodoloġija ntużat biex ġiet stabbilita l-mira tal-Gvern meta din intlaħqet ħafna qabel iż-żmien previst u l-infrastruttura kienet għadha mhix lesta

F’intervent qasir, Adrian Delia qal li l-Gvern qed jinjora r-realtajiet tal-pajjiż u dan il-Budget reġa’ naqas li jagħti lill-pajjiż direzzjoni differenti minn dik li jinsab fiha u li qed toħloq aktar sfidi lill-Maltin milli opportunitajiet.

Min-naħa tiegħu, Darren Carabott sostna l-importanza ta’ investiment serju fl-edukazzjoni biex din tagħti l-ħiliet li se jkunu meħtieġa mill-ħaddiema ta’ għada. Qal li l-Gvern irid jara li jinċentiva sew ir-reskilling u l-upskilling.

Waqt din l-attività saru interventi minn diversi kelliema minn oqsma differenti, fosthom il-Perit David Xuereb, Charlotte Sant Portanier, Kap Eżekuttiv ta’ Healthcare Caterers Ltd, Healthmark u Kore Group, Franco Azzopardi, eks Kap Eżekuttiv ta’ Express Trailers Group u Daniel Borg, Kap Eżekuttiv tal-Gozo Business Chamber.

Huma semmew fost l-oħrajn il-bżonn ta’ ekonomija li tippjana fit-tul u li tiffoka aktar fuq il-produttività sostenibbli – xi ħaġa li dan il-Budget naqas li jindirizza.

03.11.2026