Il-Budget ma solvhiex il-problemi tan-nies fit-trasport u fl-edukazzjoni
AĦBAR

Il-Budget ma solvhiex il-problemi tan-nies fit-trasport u fl-edukazzjoni

Huma qalu li tant il-Gvern ma jafx x’se jaqbad jagħmel li issa qed jagħmel sondaġġ biex jistaqsi lin-nies x’qed idejjaqhom mit-trasport pubbliku. Wara l-biżibilju studji li għamel il-Gvern fl-aħħar snin, issa qed jagħmel studju filwaqt li mhu qed joffri l-ebda garanzija ta’ soluzzjoni.

Il-PN jgħid li wara tliet sigħat u nofs diskorsi mill-Gvern, in-nies għadhom bla soluzzjonijiet f’dawn iż-żewġ oqsma

IL-Budget li ppreżenta l-Gvern la indirizza l-problemi tat-traffiku li qed jiffaċċjaw kuljum in-nies u lanqas it-tħassib dwar l-edukazzjoni.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mix-Shadow Minister għall-Mobbiltà Sostenibbli Ivan Castillo u x-Shadow Minister għall-Edukazzjoni u ċ-Ċittadinanza Jerome Caruana Cilia, id-deputati Nazzjonalisti qalu li minkejja tliet sigħat u nofs diskorsi mill-Gvern dwar il-Budget, in-nies għadhom jeħlu fit-traffiku u għadhom m’għandhomx serħan il-moħħ li l-Gvern qed jindirizza l-problemi fl-edukazzjoni.

Il-pjan Malta in Motion ma ssemmiex imqar darba fid-diskors tal-Budget. Dan jindika li minkejja l-ħafna wegħdiet qabel l-elezzjoni, il-Gvern ta’ Robert Abela m’għandu l-ebda intenzjoni li jwettaq dak li wiegħed.

Il-kelliema kkritikaw ukoll il-mod kif iddaħħlu miżuri dwar it-trasport għall-ħaddiema barranin mingħajr ma nafu la x’inhuma l-miri tagħhom u lanqas xi studji saru qabel tħabbru.

Huma qalu li tant il-Gvern ma jafx x’se jaqbad jagħmel li issa qed jagħmel sondaġġ biex jistaqsi lin-nies x’qed idejjaqhom mit-trasport pubbliku. Wara l-biżibilju studji li għamel il-Gvern fl-aħħar snin, issa qed jagħmel studju filwaqt li mhu qed joffri l-ebda garanzija ta’ soluzzjoni.

Il-kelliema tal-Partit Nazzjonalista qalu li r-Rapid Transit System li tkellem dwarha l-Gvern qabel l-elezzjoni fadlilha tal-anqas ħames snin biex tibda tinbena, dejjem jekk l-istudji juru li hija vijabbli, u m’hemmx pjan alternattiv jekk mhijiex.

Dan il-Budget naqas ukoll li joffri soluzzjonijiet fl-edukazzjoni. Il-kelliema qalu li l-kaos ta’ kull bidu tas-sena skolastika, qisu kull sena l-Gvern jinqabad maħsud mill-bidu ta’ sena ġdida, bi tfal bla kotba u studenti bla LSEs, baqa’ ma ġiex indirizzat.

Lanqas ma ngħatat xi indikazzjoni ta’ kif dan il-Gvern qed jieħu azzjoni konkreta li tindirizza r-riżultati ħżiena li kisbet Malta  fil-PISA fejn fil-qari u x-xjenza, l-istudenti Maltin kellhom l-agħar riżultat minn meta pajjiżna ilu jipparteċipa f’dan l-istudju.

Ma ġiex indirizzat lanqas dak li indika l-istudju tal-EY li fis-snin li ġejjin se jkollna bżonn 550 għalliem ġdid.

Il-Partit Nazzjonalista qed jipproponi Konferenza Nazzjonali dwar l-edukazzjoni li tagħti vuċi lill-istakeholders kollha biex isemmgħu leħinhom, biex b’hekk titfassal politika effettiva għal edukazzjoni li sservi lin-nazzjon kollu.  

04.11.2026