Il-Gvern ressaq Budget li ma solviex l-isfidi fis-sigurtà u l-problemi tal-Kunsilli Lokali
Dan il-Budget naqas li jagħti soluzzjonijiet tanġibbli għall-isfidi li qed niffaċċjaw fis-sigurtà u l-problemi li għandhom il-Kunsilli Lokali.
Il-PN jitlob spjegazzjoni ta’ kif intefqu l-flejjes u kif se jerġgħu jintefqu l-allokazzjonijiet fis-sigurtà u fil-Kunsilli
Dan il-Budget naqas li jagħti soluzzjonijiet tanġibbli għall-isfidi li qed niffaċċjaw fis-sigurtà u l-problemi li għandhom il-Kunsilli Lokali.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet, indirizzata mix-Shadow Minister għall-Interns u s-Sigurtà Conrad Borg Manchè u mix-Shadow Minister għall-Gvern Lokali u x-Xogħlijiet Pubbliċi Bernice Bonello, il-kelliema staqsew jekk il-poplu Malti u Għawdex hux iħossu sigur f’pajjiżu u hux qed jgħix aħjar fil-lokalità tiegħu.
Huma sostnew li ż-żieda fl-uffiċċjali tas-sigurtà ma kibritx bl-istess rata tat-tkabbir fil-popolazzjoni. U dan jgħodd ukoll għall-infrastruttura, bħal pereżempju l-għases, fejn ma kien hemm l-investiment meħtieġ. Qalu li bosta mill-għases tal-Pulizija huma antikwati u għandhom bżonn xogħlijiet ta’ titjib, kif ukoll semmew il-ħafna għases fil-lokalitajiet li ngħalqu u baqgħu magħluqin.
Huma tkellmu dwar il-bżonn ta’ titjib fil-ħabs kif ukoll tal-investiment fil-ħaddiemta tas-sigurtà tagħhom.
Iż-żewġ kelliema rreferew ukoll għall-isfidi kbar li qed jiffaċċjaw il-Kunsilli Lokali u n-nuqqas ta’ riżorsi finanzjarji li għandhom biex jaħdmu. Huma qalu li l-Gvern għadu qed jirriffjuta li jagħti spjega ċara ta’ kif intefqu l-€10 miljuni allokati għall-Kunsilli Lokali taħt il-Framework Agreement.
Tkellmu wkoll dwar kif il-Gvern, qabel l-elezzjoni, kien wiegħed li se jgħaddi parti mill-eko-kontribuzzjoni lill-Kunsilli, imma sa issa dan għadu m’għamlux.
Il-kelliema qalu li hu tajjeb li l-Gvern jagħti l-estimi finanzjarji tiegħu, iżda jrid ikun żgurat li ċ-ċifri li jissemmew f’jum il-Budget u l-jiem ta’ wara verament jintefqu fejn hemm bżonn biex, kemm f’dik li hi sigurtà, kif ukoll fil-lokalitajiet tagħna, ikunu l-ewwel u qabel kollox in-nies li jibbenefikaw mill-mod kif il-Gvern jonfoq il-flus mit-taxxi tal-ħaddiema.
06.11.2026

