Il-Gvern jibqa’ jaħbi l-kobor tal-problema tal-iskart
Il-Ministru Miriam Dalli għandha tispjega x’inhi l-istrateġija u l-pjan tal-Gvern biex jitnaqqas l-iskart muniċipali, jiżdied ir-riċiklaġġ u tonqos id-dipendenza fuq il-miżbliet, b’miri ċari u riżultati ppubblikati regolarment. Il-familji qed jagħmlu l-parti tagħhom, u jistħoqqilhom Gvern li jgħid il-verità kollha.
Il-Partit Nazzjonalista jgħid li l-iskart ma jonqosx billi tħalli barra parti mill-istatistika
In-nies għandhom jingħataw l-istampa sħiħa dwar is-sitwazzjoni tal-iskart f’Malta. Il-preżentazzjoni selettiva taċ-ċifri tagħti impressjoni li ma tirriflettix il-problemi serji li għadu jiffaċċja pajjiżna.
Iċ-ċifra ta’ 1,092 kilogramma ta’ skart għal kull persuna fl-2024, li fuqha nbniet l-aħbar li Malta tiġġenera l-inqas skart fl-Unjoni Ewropea, teskludi kategoriji ewlenin ta’ skart minerali, fosthom dak mill-kostruzzjoni u t-twaqqigħ, li ilu problema għal snin sħaħ. Din il-limitazzjoni hija ċara fil-pubblikazzjoni tal-Eurostat. Għalhekk, mhijiex ċifra tal-iskart kollu ġġenerat f’Malta.
Fil-fatt, skont l-NSO, fl-istess sena l-iskart solidu totali ġġenerat f’Malta żdied bi 17.6%, għal 3.5 miljun tunnellata. Din hija parti essenzjali mill-istampa li l-pubbliku għandu jkun jaf.
Ir-Rapport tal-Kummissjoni Ewropea dwar Malta għall-2026 juri wkoll li:
- L-iskart muniċipali, jiġifieri l-iskart mid-djar u skart simili minn sorsi oħra, laħaq 621 kilogramma għal kull persuna fl-2024, kontra medja tal-UE ta’ 517-il kilogramma. Għalhekk, iċ-ċifra ta’ Malta kienet madwar 20% ogħla.
- F’pajjiżna, ir-rata tar-riċiklaġġ tal-iskart muniċipali kienet biss 16.7% fl-2024, kontra medja Ewropea ta’ 48%.
- Fl-2023, 74% tal-iskart muniċipali spiċċa fil-miżbliet, kontra medja Ewropea ta’ 22% biss.
Il-PN jirrikonoxxi t-titjib fir-riċiklaġġ tal-imballaġġ tal-plastik u l-isforz tal-familji u n-negozji li jisseparaw l-iskart. Iżda anke f’dan il-qasam, ir-rata ta’ 35.1% fl-2024 baqgħet taħt il-medja Ewropea ta’ 42.4%. Titjib f’kategorija waħda ma jneħħix il-fallimenti fil-bqija tas-sistema.
Il-Ministru Miriam Dalli għandha tispjega x’inhi l-istrateġija u l-pjan tal-Gvern biex jitnaqqas l-iskart muniċipali, jiżdied ir-riċiklaġġ u tonqos id-dipendenza fuq il-miżbliet, b’miri ċari u riżultati ppubblikati regolarment.
Il-familji qed jagħmlu l-parti tagħhom, u jistħoqqilhom Gvern li jgħid il-verità kollha.
Mark Anthony Sammut
Shadow Minister għall-Enerġija u l-Ambjent
Bernice Bonello
Shadow Minister għall-Gvern Lokali u x-Xogħlijiet Pubbliċi
07.11.2026