Aħna nemmnu fl-artisti tagħna u rridu nkomplu ninċentivaw l-arti Maltija

L-arti hija espressjoni ħielsa li tqanqal il-ħsieb, tisfida l-konvenzjonijiet u tiftaħ id-diskussjoni. Ir-rwol tal-Ministru huwa li jħares din il-libertà u joħloq l-opportunitajiet biex l-artisti jiżviluppaw it-talent tagħhom u mhux li jiċċensura l-espressjoni tal-artist.

Aħna nemmnu fl-artisti Maltin u Għawdxin u rridu nkomplu ninċentivawhom ikomplu jesprimu ruħhom permezz tax-xogħol tagħhom.

Il-Partit Nazzjonalista jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-kummenti tal-Ministru għall-Arti, l-Kultura u l-Wirt Nazzjonali Malcolm Paul Agius Galea li l-kreattività għandha timxi ma’ ċerti “normi”, kif ukoll dwar il-mod kif tkellem fuq l-artisti u l-ħtieġa tagħhom għall-appoġġ pubbliku.

L-arti hija espressjoni ħielsa li tqanqal il-ħsieb, tisfida l-konvenzjonijiet u tiftaħ id-diskussjoni. Ir-rwol tal-Ministru huwa li jħares din il-libertà u joħloq l-opportunitajiet biex l-artisti jiżviluppaw it-talent tagħhom u mhux li jiċċensura l-espressjoni tal-artist.

Huwa wkoll inkwetanti li l-Ministru ddeskriva l-esperjenza tiegħu fil-kariga bħala “trawmatika” b’rabta mal-ħtieġa li jadatta għal qasam fejn il-kreattività hija ċentrali. L-artisti għandhom bżonn Ministru li jifhem u japprezza l-kontribut kreaattiv tagħhom f’dinja dejjem aktar awtomatizzata bl-Intelliġenza Artifiċjali. Pajjiżna jixraqlu Minstru li jemmen fl-importanza li l-arti teżisti għax teżisti l-kreattività.

Imma għall-kuntrarju d-diskors ta’ Malcolm Paul Agius Galea juri kemm il-Ministru huwa kompletament distakkat mir-realtajiet tad-dinja tal-arti u ma jirriffletti xejn il-ħsieb tal-artist u l-kreattiv.

L-appoġġ għall-arti, anke permezz ta’ fondi pubbliċi, huwa investiment fit-talent, fl-identità u fil-kultura ta’ pajjiżna. Ma nistgħux ikollna identità tagħna jekk ma jkollniex l-arti tal-artisti tagħna.

Il-Partit Nazzjonalista jemmen li l-artisti Maltin u Għawdxin jistħoqqilhom rispett, opportunitajiet u finanzjament trasparenti, mhux biss biex inkomplu nitpaxxew b’dak li joħolqu imma wkoll biex inżommu ħajja u kontemporanja l-identità Maltija.

Justin Schembri
Shadow Minister għall-Arti, il-Kultura u l-Wirt Nazzjonali

Marilena Gauci
Kelliema għall-Industrija tal-Films

09.11.2026

– Ara l-messaġġ tax-Shadow Minister Justin Schembri hawn