Il-Gvern mhux qed jagħti importanza lill-oqsma tal-biedja, is-sajd, il-provvista tal-ikel u l-annimali
AĦBAR

Il-Gvern mhux qed jagħti importanza lill-oqsma tal-biedja, is-sajd, il-provvista tal-ikel u l-annimali

Il-Partit Nazzjonalista jittama li l-Gvern jibda jagħti prijorità lil oqsma kruċjali bħall-biedja u s-sajd u l-għajnuna meħtieġa biex l-annimali tagħna, kemm dawk fid-djar kif ukoll dawk tal-irziezet, isibu l-għajnuna li jixirqilhom meta jkollhom bżonnha.

Il-PN jgħid li dan il-Budget reġa’ ma tax prijorità lill-bdiewa, ir-raħħala, is-sajjieda kif ukoll lis-servizzi veterinarji u l-annimali

X’riżultati konkreti se jaraw is-sajjieda, il-bdiewa, ir-raħħala, u dawk li jħobbu jew jaħdmu mal-annimali minn dan il-Budget?

Waqt konferenza tal-aħbarijiet tal-Partit Nazzjonalista indirizzata mix-Shadow Minister għall-Agrikoltura, is-Sajd u l-Provvista tal-Ikel Toni Bezzina, ix-Shadow Minister għall-Ħarsien tal-Annimali Janice Abela Chetcuti u l-Kelliem tal-PN għas-Servizzi Veterinarji Andrew Agius, il-kelliema tal-Partit Nazzjonalista qalu li dan il-Budget ma serraħx moħħ il-bdiewa, is-sajjieda u r-raħħala li l-qasam tagħhom qed jiġi mħares mill-Gvern.

Huma qalu li l-futur tal-biedja huwa mhedded fost l-oħrajn minħabba l-problema tan-nuqqas ta’ art u tal-ilma, hekk kif mhux kull bidwi għandu aċċess għan-new water. Huma kkritikaw il-fatt li l-pitkalija ilha s-snin it-tema ta’ wegħdiet tal-Gvern imma għadu mhux qed isir l-investiment tant meħtieġ għal post li huwa kruċjali għall-provvista tal-ikel tagħna. Huma qalu li jrid ikun hemm investiment serju wkoll fi strateġija għas-sigurtà tal-ikel.

Il-kelliema staqsew kemm kienu s-sajjieda li rnexxielhom jibbenefikaw minn fondi biex jinvestu fil-qxur tal-baħar tagħhom u tkellmu wkoll dwar in-nuqqas ta’ investiment fl-infrastruttura għas-sajjieda. Eżempju wieħed huwa l-breakwater ta’ Marsalforn li l-Gvern ilu jwegħdu s-snin u li sa issa għadu wegħda fl-arja.

Il-kelliema tal-PN qalu li dan hu Budget li jerġa’ jikxef Gvern li m’għandu l-ebda pjan biex jinċentiva aktar żgħażagħ fl-oqsma tal-biedja u s-sajd – oqsma kruċjali għall-katina tal-ikel tagħna.

Huma tkellmu wkoll dwar in-nuqqas ta’ trasparenza fejn jidħlu fondi allokati għall-qasam tal-annimali u dwar il-problemi marbutin mas-servizzi veterinarji.

Mhux biss l-isptar tal-annimali li kien fetaħ Gvern Nazzjonalista u li dan il-Gvern għalaq aktar minn tliet snin ilu għadu magħluq, imma l-istudenti li daħlu għal korsijiet marbuta mas-servizzi veterinarji m’għandhomx fejn jieħdu t-taħriġ prattiku tagħhom u qed ikollhom jirrikorru fi kliniċi żgħar privati. Huma qalu li f’dan il-każ il-Gvern xtara ż-żiemel qabel l-istalla u li dawn l-istudenti issa jridu b’xi mod jieħdu t-taħriġ prattiku tagħhom lil hinn minn pajjiżna.

Dan apparti t-trawma li għaddew minnha bosta persuni li minħabba n-nuqqas ta’ dan l-isptar spiċċaw tilfu l-pet tagħhom.

Il-Budget ma indirizzax il-problemi kbar li qed jiffaċċjaw ħafna santwarji tal-annimali li jitmexxew min-nies dedikati u li mhux biss jagħtu ħafna ħin imma anke joħorġu ħafna flus minn bwiethom.

Il-Partit Nazzjonalista jittama li l-Gvern jibda jagħti prijorità lil oqsma kruċjali bħall-biedja u s-sajd u l-għajnuna meħtieġa biex l-annimali tagħna, kemm dawk fid-djar kif ukoll dawk tal-irziezet, isibu l-għajnuna li jixirqilhom meta jkollhom bżonnha.

10.11.2026