Importanti li nkomplu nappoġġjaw lin-negozji Maltin u nsaħħu s-settur tal-manifattura
AĦBAR

Importanti li nkomplu nappoġġjaw lin-negozji Maltin u nsaħħu s-settur tal-manifattura

Il-kumpaniji żgħar u medji jeħtieġu diversi forom ta’ għajnuna, kemm fuq livell lokali kif ukoll internazzjonali, biex ikomplu jiżviluppaw.

Il-Kap tal-PN Alex Borg iżur lil Silvercraft Products u jiddiskuti l-isfidi li qed jiffaċċjaw il-manifatturi Maltin

Il-kumpaniji żgħar u medji jeħtieġu diversi forom ta’ għajnuna, kemm fuq livell lokali kif ukoll internazzjonali, biex ikomplu jiżviluppaw.

Dan kien il-messaġġ ewlieni tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg matul żjara li għamel fl-uffiċċji tal-kumpanija Silvercraft Products, fejn tenna li hu għalhekk li hu importanti li nkomplu nappoġġjaw lin-negozji Maltin, insaħħu s-settur tal-manifattura u nindirizzaw l-isfidi li jiltaqgħu magħhom l-intrapriżi biex jattiraw u jżommu ħaddiema mħarrġa.

Alex Borg intlaqa’ mill-Kap Eżekuttiv, mill-Uffiċjal Finanzjarju Ewlieni u mid-Diretturi Eżekuttivi tal-kumpanija, li spjegawlu l-ħidma u l-iżvilupp tagħha bħala azjenda Maltija tal-familja li issa tinsab fit-tielet ġenerazzjoni.

Il-Kap tal-PN sema’ kif Silvercraft Products hi kumpanija stabbilita fis-settur tal-manifattura, li tispeċjalizza fi prodotti tal-fibreglass għal klijenti residenzjali u kummerċjali. Il-kumpanija timpjega għexieren ta’ persuni, fosthom numru ta’ ħaddiema minn pajjiżi terzi. Matul il-laqgħa kienu diskussi wkoll l-isfidi biex il-kumpanija tattira, iżżomm u tiżviluppa ħaddiema b’ħiliet speċjalizzati.

Akkumpanjat mix-Shadow Ministers Julian Borg u Eve Borg Bonello, hu innota kif żjara bħal din tagħtih opportunità biex isir aktar jaf aktar dwar il-kontribut b’risq il-manifattura lokali, kif ukoll ir-realtajiet li jaffaċċjaw in-negozji f’dan is-settur u l-importanza li jinħoloq ambjent li jippermetti lill-intrapriżi Maltin ikomplu jinvestu, jikbru u joħolqu l-impjiegi.

12.11.2026