Irrid Malta li tiftaħ dirgħajha beraħ għall-innovazzjoni fil-mediċina
AĦBAR

Irrid Malta li tiftaħ dirgħajha beraħ għall-innovazzjoni fil-mediċina

“Malta u Għawdex għandhom il-kapaċità li jkunu parti minn din il-bidla u li joħolqu opportunitajiet ġodda li jtejbu s-saħħa u l-kwalità tal-ħajja tan-nies.”

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-PN Alex Borg jindirizza l-MedTech World Europe Summit 2026

“Wara kull innovazzjoni hemm storja umana. Irridu li s-suċċess ta’ pajjiżna ma jibqax jitkejjel biss bl-ekonomija imma wkoll b’kemm in-nies jgħixu ħajja aħjar. Irrid Malta li tiftaħ dirgħajha beraħ għall-innovazzjoni f’kull qasam, inkluż fil-mediċina.”

Dan kien il-messaġġ tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg waqt il-MedTech World Europe Summit 2026, li sar fil-Mediterranean Conference Centre fil-Belt Valletta. Alex Borg intlaqa’ minn Dr Dylan Attard, il-Kap Eżekuttiv u Ko-Fundatur ta’ MedTech.

Fid-diskors tiegħu, Alex Borg spjega kif l-innovazzjoni qed tbiddel il-mediċina u twassal għal kura aktar personalizzata u preventiva. It-teknoloġiji ġodda qed jiftħu l-bieb għal sistemi tas-saħħa li, minbarra li jikkuraw il-mard, jgħinu lin-nies jibqgħu b’saħħithom għal aktar żmien.

Huwa sostna li l-mistoqsija hi jekk Malta tridx tibqa’ tħares lejn din il-bidla jew tkun hi stess parti minnha. Pajjiżna għandu t-talent u l-kapaċità biex jagħmel dan. Tul l-istorja tagħna, għarafna ngħaqqdu kulturi, ideat u riżorsi. Dak li għandu jmexxina ’l quddiem huwa l-ambizzjoni tagħna.

Alex Borg saħaq li Malta teħtieġ ekonomija li s-saħħa tagħha titkejjel bil-valur tal-ideat, bl-innovazzjoni u bil-produttività, u li tissarraf f’ħajja aħjar għan-nies. L-esperjenza ta’ pajjiżna fil-qasam mediku u l-kapaċitajiet tal-professjonisti tagħna huma bażi soda li fuqha nistgħu nibnu.

F’dan il-kuntest, huwa identifika tliet prijoritajiet: li Malta tkun pajjiż fejn l-innovazzjoni tkun tista’ tgħaddi minn idea għall-prattika, f’ambjent li jagħti fiduċja lill-investituri; li ninvestu fin-nies u fil-ħiliet tagħhom, għaliex huma l-aqwa infrastruttura għall-futur ta’ pajjiżna; u li nħejju s-sistema tas-saħħa biex tħaddan teknoloġiji ġodda għall-ġid tal-pazjenti.

“Malta u Għawdex għandhom il-kapaċità li jkunu parti minn din il-bidla u li joħolqu opportunitajiet ġodda li jtejbu s-saħħa u l-kwalità tal-ħajja tan-nies.”

Wara d-diskors, Alex Borg u d-delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista żaru l-istands fejn iltaqgħu mar-rappreżentanti tal-industrija tat-teknoloġija medika lokali u internazzjonali.

Għaż-żjara, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista kien akkumpanjat mill-Viċi Kap Alex Perici Calascione u mid-deputati tal-PN Mark Anthony Sammut, Ian Vassallo, Jerome Caruana Cilia, Eve Borg Bonello u John Baptist Camilleri.

13.11.2026