Korp aktar inċentivat huwa Korp aktar effiċjenti
AĦBAR

Korp aktar inċentivat huwa Korp aktar effiċjenti

Il-Partit Nazzjonalista jemmen li Korp aktar inċentivat huwa Korp aktar effiċjenti. Kien għalhekk li l-Partit Nazzjonalista ressaq proposti li jagħtu aktar rikonoxximent lill-uffiċjali li diġà jinsabu fil-Korp filwaqt li jħajru aktar nies jingħaqdu mal-Pulizija.

Il-Kap tal-PN jgħid li rridu ninċentivaw lill-uffiċjali li għandna fil-Korp u nħajru uffiċjali ġodda jingħaqdu mal-Pulizija

Il-Partit Nazzjonalista jemmen li Korp aktar inċentivat huwa Korp aktar effiċjenti. Kien għalhekk li l-Partit Nazzjonalista ressaq proposti li jagħtu aktar rikonoxximent lill-uffiċjali li diġà jinsabu fil-Korp filwaqt li jħajru aktar nies jingħaqdu mal-Pulizija.

Waqt laqgħa mal-Malta Police Union, fl-uffiċċju tiegħu fil-Belt Valletta, il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg qal li l-proposta tal-paga-pensjoni għal uffiċjali li jkunu jridu jibqgħu jaħdmu anke wara li jkunu laħqu l-età tal-irtirar kienet maħsuba biex iżżomm pulizija ta’ esperjenza fil-Korp. Din tista’ tinċentiva wkoll aktar nies biex iservu fil-Korp.

Il-laqgħa maċ-Chairperson tal-MPU Marlon Hili u s-Segretarju tal-Union James Saliba Lorenzen tat opportunità għal diskussjoni bejn ir-rappreżentanti tal-membri tal-Korp u l-Kap tal-PN flimkien max-Shadow Minister għall-Intern u s-Sigurtà Conrad Borg Manché.

Tul il-laqgħa, l-MPU qalet li fost l-akbar sfidi fil-Korp hemm in-numru ta’ uffiċjali meta mqabbel maż-żieda fil-popolazzjoni. Huma qablu mal-fatt li aktar inċentivi jistgħu isaħħu l-Korp tal-Pulizija filwaqt li sostnew li hemm kompetizzjoni kbira minn setturi fil-privat li joffru pagi tajbin flimkien ma’ kundizzjonijiet aħjar, li jispiċċaw iħajru żgħażagħ iktar milli jirnexxielu jħajjar il-Korp.

Huma semmew ukoll il-ħtieġa ta’ sostenn aktar konsistenti għal uffiċjali tal-Pulizija li jweġġgħu fuq il-post tax-xogħol permezz ta’ assigurazzjoni sħiħa li tagħti serħan il-moħħ kemm lill-istess uffiċjali kif ukoll lill-qraba tagħhom.

Alex Borg qal li din hi kruċjali biex nagħtu lil dawk li ta’ kuljum jaħdmu biex iħarsuna l-garanzija li bħala stat qed inħarsuhom ukoll.

Il-Kap tal-PN Alex Borg sostna l-importanza ta’ laqgħat bħal dawn biex il-Partit Nazzjonalista jibqa’ aġġornat fuq dawk li huma l-akbar sfidi tal-uffiċjali u jkompli jfassal politika li tgħin issaħħaħ lill-Pulizija u dawk kollha li jaħdmu fi ħdan il-Korp.

17.11.2026