Ikompli t-tiġdid fil-Partit Nazzjonalista
Waqt laqgħa mal-attivisti lbieraħ filgħaxija, il-Partit Nazzjonalista nieda app ġdida li permezz tagħha n-nies se jkunu jistgħu jikkuntattjaw lid-deputati tal-PN, jissuġġerixxu mistoqsijiet parlamentari u jirrapportaw problemi fil-lokalità tagħhom. L-app mistennija tkun disponibbli fuq l-App Store ta’ Apple u l-Google Play Store fil-jiem li ġejjin.
Il-PN iniedi app li se tressaq lin-nies eqreb lejn id-deputati tagħhom; l-attivisti tal-PN ġew infurmati wkoll dwar il-Kunsill Ġenerali tat-2 ta’ Diċembru
Waqt laqgħa mal-attivisti lbieraħ filgħaxija, il-Partit Nazzjonalista nieda app ġdida li permezz tagħha n-nies se jkunu jistgħu jikkuntattjaw lid-deputati tal-PN, jissuġġerixxu mistoqsijiet parlamentari u jirrapportaw problemi fil-lokalità tagħhom. L-app mistennija tkun disponibbli fuq l-App Store ta’ Apple u l-Google Play Store fil-jiem li ġejjin.
Min irid jiġbed l-attenzjoni għal problema fil-lokalità tiegħu se jkun jista’ jibgħat ritratt u jindika l-post eżatt fejn tinsab il-problema. Fuq l-app, kull deputat se jkollu profil fejn in-nies ikunu jistgħu jsegwu il-ħidma tiegħu u jagħtu l-fehma tagħhom dwarha.
It-tesserati se jkollhom it-tessera tagħhom fuq il-mowbajl permezz tal-istess app, u wieħed se jkun jista’ wkoll japplika biex isir membru tal-Partit, joffri l-għajnuna tiegħu bħala volontier, jagħti donazzjoni u jibbukkja post jew jixtri biljett għal attività. L-app se tiġbor fiha l-aħbarijiet tal-PN u tagħti lin-nies l-opportunità li jikkummentaw dwar l-istqarrijiet tal-Partit u jieħdu sehem fi stħarriġ.
F’aġġornamenti futuri, in-nies se jkunu jistgħu jressqu proposti biex il-Partit jikkunsidrahom għall-programm elettorali li jmiss. L-app se tgħin ukoll lir-rappreżentanti tat-toroq iwasslu lill-Partit it-tħassib tar-residenti.
Waqt il-laqgħa, l-attivisti ġew infurmati wkoll li nhar l-Erbgħa, it-2 ta’ Diċembru, se jiftaħ il-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista. Fih se jiġi ppreżentat l-Istatut il-ġdid tal-Partit għad-diskussjoni u l-approvazzjoni tal-kunsilliera. Dan hu pass fil-proċess ta’ tiġdid imħabbar mill-Kap tal-PN Alex Borg, li se jwassal għall-elezzjoni taż-żewġ Viċi Kapijiet u tal-President tal-Kunsill Ġenerali.
Tul l-istess laqgħa, il-Partit Nazzjonalista ħabbar ukoll il-ħatra ta’ Chayenne Riolo bħala Direttur tal-Komunikazzjoni tal-Partit.
18.11.2026




