73% tan-negozji żgħar u medji mistħarrġa jaħsbu li pajjiżna miexi fid-direzzjoni żbaljata

Huwa veru li l-ekonomija kibret u nħolqu opportunitajiet f’ċerti setturi. Iżda l-Gvern ma ppjanax għall-ħiliet li kien se jkollu bżonn il-pajjiż u ma għarafx kif iħajjar aktar nies jitħarrġu u jibnu karriera fis-settur privat.

Il-Gvern bena ekonomija fuq il-ħaddiema barranin, iżda n-nuqqas ta’ ħaddiema għadu l-akbar problema għan-negozji

73% tan-negozji żgħar u medji mistħarrġa jemmnu li l-pajjiż miexi fid-direzzjoni żbaljata. In-nuqqas ta’ ħaddiema għadu fost l-akbar problemi li jiffaċċjaw.

Mill-2013 ’l hawn, il-Gvern Laburista għażel li jkabbar l-ekonomija billi jġib dejjem aktar ħaddiema minn barra.

Huwa veru li l-ekonomija kibret u nħolqu opportunitajiet f’ċerti setturi. Iżda l-Gvern ma ppjanax għall-ħiliet li kien se jkollu bżonn il-pajjiż u ma għarafx kif iħajjar aktar nies jitħarrġu u jibnu karriera fis-settur privat.

Illum in-negozji qed iħallsu għal dan in-nuqqas ta’ ppjanar.

L-aħħar SME Barometer tal-Malta Chamber of SMEs u tal-MISCO jixhed il-konsegwenzi ta’ din il-politika. In-nuqqas ta’ ħaddiema għadu l-aktar problema li semmew in-negozji mistħarrġa. B’kollox, 38.3% semmewh bħala waħda mill-akbar żewġ diffikultajiet tagħhom.

Fl-istess waqt, meta n-negozji ntalbu jindikaw liema kwistjonijiet nazzjonali jridu li l-Gvern jindirizza, il-popolazzjoni eċċessiva ġiet fl-ewwel post, b’35%. Huwa evidenti li dawn in-negozji qed ibatu l-konsegwenzi tat-tmexxija ħażina tal-Gvern. Is-sehem ta’ dawk li jgħidu li pajjiżna miexi fid-direzzjoni żbaljata tela’ minn 64% fit-tliet xhur ta’ qabel għal 73%.

Il-Partit Nazzjonalista ilu s-snin jitkellem dwar il-ħtieġa ta’ studju dwar is-suq tax-xogħol u ta’ reviżjoni sħiħa tal-politika tal-pajjiż dwar il-popolazzjoni.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg diġà ppropona li titwaqqaf awtorità biex tidentifika liema ħaddiema u ħiliet se jkollu bżonn kull settur fil-ħames sa għaxar snin li ġejjin. B’hekk il-pajjiż ikun jista’ jħarreġ lin-nies fil-ħin, jgħin lin-negozji jinvestu f’teknoloġija li żżid il-produttività u, permezz ta’ pjan nazzjonali għall-popolazzjoni, jiżgura li dawk is-setturi li tassew għandhom bżonn ħaddiema minn barra jkunu jistgħu jkomplu jimpjegawhom.

Aktar ma jgħaddi ż-żmien, aktar jidhru x-xquq li ħoloq in-nuqqas ta’ viżjoni fit-tul tal-Gvern Laburista. Jeħtieġ li tittieħed azzjoni issa, qabel ikun tard wisq.

Michael Piccinino
Shadow Minister għal dawk li jaħdmu għal rashom, l-Intrapriżi ż-Żgħar u l-Koperattivi

Darren Carabott
Shadow Minister għall-Ekonomija, it-Teknoloġija u l-Proġetti Strateġiċi

20.11.2026