Malta in Motion: tliet entitajiet, żewġ ministeri u elf mistoqsija
Issa l-Gvern se jkollu tliet strutturi u żewġ ministeri biex jippruvaw isolvu l-problemi li ħoloq hu stess, iżda għadu ma qalilniex min se jkun qed jmexxi u min se jwieġeb.
Fl-2018, il-Gvern Laburista fired ir-responsabbiltajiet tal-infrastruttura minn dawk ta’ Transport Malta. Illum, Infrastructure Malta għandha r-responsabbiltajiet tagħha dwar l-infrastruttura tat-toroq u taqa’ taħt ministeru separat. Transport Malta għandha rwol legali fit-tfassil u fl-implimentazzjoni tal-politika tat-trasport u fil-provvista ta’ sistema integrata taħt ministeru ieħor, dak għall-Mobbiltà Sostenibbli. Issa l-Gvern qed jipproponi aġenzija oħra għal Malta in Motion.
Bit-twaqqif ta’ aġenzija ġdida, il-pubbliku għandu dritt ikun jaf: min minn dawn l-awtoritajiet kollha se jieħu d-deċiżjonijiet, min se jkollu l-aħħar kelma u min se jinżamm responsabbli meta l-proġetti jdumu jew ifallu?
Issa l-Gvern se jkollu tliet strutturi u żewġ ministeri biex jippruvaw isolvu l-problemi li ħoloq hu stess, iżda għadu ma qalilniex min se jkun qed jmexxi u min se jwieġeb.
Min se jkun responsabbli mir-rotot il-ġodda u miż-żieda fil-karozzi tal-linja: Transport Malta jew Malta in Motion? U min se jiżgura l-infrastruttura meħtieġa biex jitwettqu l-istrateġiji: Infrastructure Malta jew l-aġenzija l-ġdida? Mingħajr rabta ċara bejn dawn l-entitajiet u l-prijoritajiet tagħhom, kif jista’ l-pubbliku jkun ċert li l-pjan se jitwettaq?
Skont il-pjan uffiċjali, l-ippjanar tas-sistema tar-rapid transit, li hija l-“qalb” tal-ekosistema proposta, għandu jieħu ħames snin, u x-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni għaxar snin oħra – total ta’ 15-il sena. Iżda l-Gvern għadu ma tax alternattiva ta’ kapaċità ekwivalenti għal dan il-proġett, jekk dan jittardja jew ma jiġix iffinanzjat, kif wissa l-Ministru tal-Finanzi. Kulma qal il-Gvern hu li m’għandux alternattiva jekk dan il-proġett ma jsirx.
Il-Gvern lanqas ma spjega lill-poplu kif se jonfoq it-18-il miljun ewro li semma għall-ħidma marbuta ma’ Malta in Motion u Transport Malta.
Il-Gvern Laburista ħoloq il-qasma bejn Transport Malta u Infrastructure Malta, u issa qed iżid aġenzija oħra biex jgħaqqad dak li qasam. Jekk il-Gvern ma jistax jispjega min se jwettaq il-pjan Malta in Motion, kif jista’ jistenna li l-pubbliku jemmnu li dan il-pjan se jitwettaq?
S’issa, kulma nafu hu li se jkollna aktar entitajiet, aktar spejjeż u aktar taħwid, iżda ebda garanzija li n-nies se jaslu aktar malajr jew li jkollhom alternativa aħjar. U sadanittant se nibqgħu mwaħħlin.
Ivan Castillo
Shadow Minister għall-Mobbiltà Sostenibbli
25.11.2026