Skont il-Gvern, il-fatt li l-istess priġunier jinqabad darbtejn b’mobile juri s-serjetà fis-sigurtà

Skont il-Gvern, il-fatt li l-istess priġunier inqabad darbtejn f’temp ta’ ftit aktar minn ħames ġimgħat b’mobile fil-pussess tiegħu juri s-serjetà li biha qed imexxi.

Skont il-Gvern, il-fatt li l-istess priġunier inqabad darbtejn f’temp ta’ ftit aktar minn ħames ġimgħat b’mobile fil-pussess tiegħu juri s-serjetà li biha qed imexxi.

Glenn Bedingfield għadu kif ikkonferma fil-Parlament li nstab mobile fil-pussess ta’ priġunier fil-ħabs ta’ Kordin. Din hija t-tieni darba li l-istess priġunier inqabad b’mobile.

Il-Ministru saħansitra qal li din l-investigazzjoni ilha għaddejja ġimgħat sħaħ. Is-sejba tal-ewwel mobile tħabbret fis-17 ta’ Ottubru.

Inkjesta mmexxija mill-Imħallef Emeritu Antonio Mizzi, li r-rapport tagħha ġie ppubblikat f’Lulju, identifikat nuqqasijiet fil-proċeduri tas-sigurtà marbuta mal-użu ta’ apparat elettroniku fil-ħabs. Minkejja dawn it-twissijiet, erba’ xhur wara għadna qed naraw inċidenti bħal dawn. Il-Ministru għandu jgħid liema rakkomandazzjonijiet implimenta u jerfa’ r-responsabbiltà politika għal kwalunkwe nuqqas fl-implimentazzjoni tagħhom.

Il-Ministru ftit ilu ddikjara li lanqas id-dħul bil-moħbi ta’ mobile fil-ħabs ma jikkostitwixxi reat kriminali bħalissa, u ħabbar li se jemenda l-liġi. Dan meta liġi tal-1976 diġà tqis bħala reat id-dħul mhux awtorizzat ta’ oġġetti pprojbiti fil-ħabs, u saħansitra tipprovdi għal piena aktar ħarxa meta r-reat jitwettaq minn uffiċjal jew impjegat tal-ħabs.

Il-Ministru għandu għalhekk jispjega mhux biss fejn waslu l-emendi li ħabbar, iżda wkoll x’sar biex tiġi infurzata l-liġi li ilha teżisti nofs seklu.

Jekk għall-Gvern dan huwa ċertifikat ta’ serjetà, għall-Oppożizzjoni dan mhuwiex ta’ ebda serħan tal-moħħ. L-Oppożizzjoni tirrikonoxxi l-ħidma importanti tal-Pulizija u tal-uffiċjali tal-ħabs, filwaqt li tinsisti li l-effettività tas-sistema tas-sigurtà ma titkejjilx biss minn kemm-il mobile jinstab, iżda wkoll mill-kapaċità ta’ dik is-sistema li tipprevjeni d-dħul tagħhom.

Is-sigurtà mhijiex logħba, u l-Gvern għandu r-responsabbiltà sħiħa li jħares lill-poplu Malti u Għawdxi, anke billi jiżgura sigurtà vera fil-ħabs.

Conrad Borg Manché
Shadow Minister għall-Intern u s-Sigurtà

25.11.2026