L-Awtorità tax-Xandir u l-Ministru responsabbli mix-xandir jagħtu ċifri differenti
AĦBAR

L-Awtorità tax-Xandir u l-Ministru responsabbli mix-xandir jagħtu ċifri differenti

Filwaqt li l-Awtorità tax-Xandir tieħu azzjoni fil-konfront ta’ min jagħmel reklam, mhix qed tieħu azzjoni fil-konfront ta’ min jippreżenta programmi fuq l-istazzjon nazzjonali u jikser il-kodiċi tal-etika darba wara l-oħra.

Illum kompliet tinstema’ l-kawża tal-PN kontra l-PBS u l-Awtorità tax-Xandir

L-Awtorità tax-Xandir u l-Ministru responsabbli mix-xandir taw ċifri differenti dwar il-kummenti li xxandru fuq l-istazzjon nazzjonali.

Illum kompliet tinstema’ l-kawża tal-Partit Nazzjonalista kontra l-PBS u l-Awtorità tax-Xandir. Fix-xhieda tagħha, l-Awtorità qalet li għal kull kumment irrekordjat ta’ rappreżentant tal-Partit Nazzjonalista xxandru ħmistax min-naħa tal-Gvern. Il-Ministru kien qal li għal kull kumment tal-PN xxandru tmienja tal-Partit Laburista.

Jidher ukoll li ma tinżamm ebda statistika dwar kemm jixxandru kummenti rrekordjati fuq l-istazzjonijiet nazzjonali tar-radju, fosthom Radju Malta 1, Radju Malta 2 u Magic FM.

Wara s-seduta, ir-rappreżentanti tal-Partit Nazzjonalista qalu li, għalkemm dawn l-istazzjonijiet huma ffinanzjati mit-taxxi tan-nies, ma hemm ebda rendikont ta’ dak li jxandru.

Huwa inkwetanti li la l-PBS u lanqas l-Awtorità tax-Xandir ma jafu x’qed jixxandar, meta l-Awtorità tirregola dan il-qasam u għandha l-obbligu li tissorvelja dak li jixxandar.

Huma qalu li l-Kap Eżekuttiv tal-PBS xehed illum li ma ttieħdet ebda azzjoni dwar nuqqas ta’ imparzjalità politika. Madankollu, ittieħdet azzjoni fil-konfront ta’ preżentaturi li kisru l-kodiċi tal-etika, pereżempju fil-każ ta’ preżentatriċi li rreklamat prodotti tal-make-up barra mill-ħin tax-xogħol tagħha.

Filwaqt li l-Awtorità tax-Xandir tieħu azzjoni fil-konfront ta’ min jagħmel reklam, mhix qed tieħu azzjoni fil-konfront ta’ min jippreżenta programmi fuq l-istazzjon nazzjonali u jikser il-kodiċi tal-etika darba wara l-oħra.

Għas-seduta tal-lum attenda Justin Schembri, ix-Shadow Minister għall-Arti, il-Kultura u l-Wirt Nazzjonali. Michael Piccinino, David Bonello u Thomas De Martino qed jirrappreżentaw lill-Partit Nazzjonalista f’din il-kawża.

27.11.2026