Malta fl-aħħar post fl-UE fin-numru ta’ studenti li jagħżlu s-suġġetti STEM

Jekk ma rridux naqgħu aktar lura meta mqabbla ma’ pajjiżi Ewropej, irridu nkunu kapaċi nħajru aktar studenti jagħżlu dawn is-suġġetti u jkomplu jitħarrġu fihom.

Pajjiżna għandu inqas minn nofs il-medja Ewropea

Dejjem inqas studenti qed jagħżlu s-suġġetti STEM. F’perjodu ta’ disa’ snin in-numru ta’ studenti li għażlu li jistudjaw dawn is-suġġetti naqas b’aktar minn 8%.

Fl-2024, 13.2% biss tal-istudenti fl-edukazzjoni terzjarja f’Malta kienu qed jistudjaw ix-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija jew il-matematika. Skont iċ-ċifri ppubblikati mill-Eurostat fit-18 ta’ Novembru, din kienet l-inqas rata fl-Unjoni Ewropea u kienet inqas minn nofs il-medja Ewropea ta’ 27.1%.

Bejn l-2015 u l-2024, is-sehem tal-istudenti f’Malta li għażlu dawn l-oqsma naqas bi 8.2 punti perċentwali. Dan kien l-akbar tnaqqis fost il-pajjiżi kollha tal-UE.

Il-Partit Nazzjonalista qed jitlob spjegazzjoni dwar għaliex is-sehem tal-istudenti li jagħżlu dawn is-suġġetti naqas daqshekk u x’passi se jieħu biex aktar żgħażagħ jitħajru jkomplu jistudjawhom.

Jekk ma rridux naqgħu aktar lura meta mqabbla ma’ pajjiżi Ewropej, irridu nkunu kapaċi nħajru aktar studenti jagħżlu dawn is-suġġetti u jkomplu jitħarrġu fihom.

Din il-ħidma trid tibda ferm qabel ma ż-żgħażagħ jagħżlu kors fl-MCAST jew fl-Università jew f’istituzzjoni oħra.

Minbarra li nagħtu lil pajjiżna żgħażagħ preparati għal dinja tax-xogħol dejjem aktar dinamika, għandna fuq kollox nagħtu futur sabiħ liż-żgħażagħ tagħna, u dan mhux possibbli jekk ma nagħrfux inħajjruhom jiżviluppaw permezz ta’ edukazzjoni li tagħtihom il-ħiliet li se jkollhom bżonn għada.

Barra minn hekk, irridu li jkollna strateġija ċara ta’ ppjanar fit-tul li torbot l-għażliet edukattivi taż-żgħażagħ mal-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol. Irridu nkunu nafu liema ħiliet u kompetenzi se jkollu bżonn pajjiżna fis-snin li ġejjin u niżguraw li s-sistema edukattiva tagħna tkun qed tħejji liż-żgħażagħ għalihom. Fl-istess waqt, irridu noħolqu aktar opportunitajiet ta’ karrieri ta’ kwalità f’Malta stess fl-oqsma STEM. Ma nistgħux nistennew li aktar żgħażagħ jagħżlu dawn is-suġġetti jekk ma nuruhomx ukoll li jistgħu jsibu futur professjonali sod u opportunitajiet ta’ żvilupp f’dawn l-oqsma f’pajjiżna stess.

Jerome Caruana Cilia
Shadow Minister għall-Edukazzjoni u ċ-Ċittadinanza

27.11.2026