Waqt li l-Gvern jiftaħar b’ekonomija b’saħħitha, aktar Maltin qed joqorbu lejn il-faqar

L-aħħar rapport tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika dwar l-istħarriġ tal-European Statistics on Income and Living Conditions (EU-SILC) għas-sena 2024 ikompli jikxef il-falliment tal-Gvern li jagħti għajxien deċenti lil kulħadd.

Minkejja l-ftaħir kontinwu dwar “ekonomija b’saħħitha”, dejjem aktar familji u anzjani qed jgħixu taħt il-linja tal-faqar jew f’riskju ta’ faqar u esklużjoni soċjali.

Iċ-ċifri ta’ dan l-istħarriġ ippubblikati mill-NSO juru li n-numru ta’ persuni li d-dħul tagħhom niżel għal livell ikklassifikat bħala fir-riskju tal-faqar żdiedu b’aktar minn 4,000 matul l-2024 biex illum għandna 93,000 persuna fir-riskju tal-faqar, jew 17% tal-popolazzjoni. Li huwa livell rekord għal pajjiżna. Dan in-numru ilu jiżdied ftit ftit kemm ilu fil-Gvern il-Partit Laburista, u din kienet l-akbar żieda f’dawn l-aħħar snin. L-aħħar darba li naqas kien fl-2012. Is-sitwazzjoni tirrifletti ekonomija li kulma jmur qed issir aktar dipendenti fuq cheap labour.

Il-Partit Nazzjonalista jtenni li ekonomija vera b’saħħitha hija waħda li sservi lin-nies kollha, mhux li tkabbar dejjem aktar id-differenza bejn min jaqla’ ħafna u min qed jara l-qiegħ – ekonomija li qed tħalli lil ħafna li jaħdmu kemm jaħdmu mhux qed ilaħħqu.

Dan ir-rapport ikompli jikkonferma li l-ħajja saret aktar diffiċli għal eluf ta’ familji Maltin u Għawdxin, u li l-Gvern Laburista qed ifalli f’wieħed mill-aktar dmijiriet bażiċi ta’ gvern, u aktar u aktar ta’ gvern ta’ pajjiż b’ekonomija suppost b’saħħitha: dak li jiggarantixxi opportunitajiet u drittijiet bażiċi għal kulħadd.

Il-Partit Nazzjonalista jappella lill-Gvern biex minnufih jadotta l-miżuri li tatu xhur ilu l-Oppożizzjoni għall-ġlieda kontra l-għoli tal-ħajja, u li jistgħu itaffu ftit mit-tbatijiet ta’ dawk fil-faxex l-aktar vulnerabbli.

Il-Partit Nazzjonalista jibqa’ impenjat li jibni ekonomija li tassew taħdem għal kulħadd, fejn il-ġid jitqassam b’mod ġust u fejn kull persuna tkun tista’ tgħix b’dinjità u jkollha l-kwalità tal-ħajja li wieħed jistenna li jkollu f’pajjiż modern Ewropew.

Jimmanipula kemm jimmanipula ċ-ċifri l-Gvern Laburista biex ipinġi stampa qarrieqa, il-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jitkellem fuq in-nies u l-familji, u jara kif itaffilhom it-tbatijiet tagħhom.

Ivan Bartolo
Shadow Minister għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli, il-Pensjonijiet u l-Ġlieda Kontra l-Faqar

Albert Buttigieg
Shadow Minister għall-Familja u s-Sigurtà Soċjali

29.04.2025