Il-Partit Nazzjonalista jiftaħ proċess ta’ konsultazzjoni dwar ir-riforma tal-appelli tal-ippjanar
Il-kontribut li jasal se jservi bħala parti mill-ħidma tal-Oppożizzjoni qabel it-Tieni Qari, u għandu jgħin fit-tfassil tal-pożizzjoni parlamentari u tal-emendi li jistgħu jitressqu matul il-proċess leġiżlattiv.
Jistieden lill-istakeholders kollha biex iressqu l-emendi u l-proposti tagħhom lill-Oppożizzjoni
Il-Partit Nazzjonalista, wara li diġà beda konsultazzjoni informali, se jibda proċess ta’ skrutinju mal-istakeholders kollha dwar ir-riforma proposta fil-proċess tal-appelli tal-ippjanar, bi tħejjija għad-dibattitu parlamentari u għall-emendi li l-Oppożizzjoni tista’ tressaq meta l-Abbozz ta’ Liġi jiġi diskuss fil-Parlament.
Il-konsultazzjoni pubblika mnedija mill-Gvern għalqet ftit tal-jiem ilu, filwaqt li l-Abbozz ta’ Liġi relatat mar-riforma diġà għadda mill-Ewwel Qari fil-Parlament.
Il-Partit Nazzjonalista ilu s-snin jinsisti fuq il-ħtieġa ta’ riforma li tassigura li d-dritt tal-appell fil-qasam tal-ippjanar ikun wieħed effettiv – jiġifieri li meta jkun hemm appell, il-permess ta’ żvilupp jiġi sospiż awtomatikament sakemm il-proċess jinqata’ b’mod finali. Sal-lum, minkejja li permess jista’ jiġi appellat, ix-xogħlijiet jistgħu jkunu diġà bdew jew inkella saħanistra spiċċaw, bil-konsegwenza li l-appell ma jkun serva għal xejn għax ix-xogħlijiet li jkunu twettqu jkunu irriversibbli.
Għaldaqstant, nilqgħu l-fatt li dan il-prinċipju issa jinsab fuq l-aġenda leġiżlattiva. Madankollu, mill-proposti li tressqu s’issa diġà jidhru numru ta’ punti li jeħtieġu aktar skrutinju biex ir-riforma ma tkunx waħda parzjali jew b’lakuni li jdgħajfu l-effett tagħha fil-prattika.
Il-Partit Nazzjonalista jirrispetta l-proċess ta’ konsultazzjoni pubblika u r-rwol importanti tas-soċjetà ċivili, tal-għaqdiet, tal-professjonisti u tal-istakeholders kollha li jagħżlu li jipparteċipaw fih.
Madankollu, ir-responsabbiltà tal-Oppożizzjoni hija li nisimgħu lill-istakeholders, neżaminaw bir-reqqa dak li qed jipproponi l-Gvern, nidentifikaw il-lakuni u l-konsegwenzi possibbli tagħhom, u mbagħad nagħmlu xogħolna fil-Parlament billi nressqu l-pożizzjoni u, fejn meħtieġ, emendi konkreti għal-liġi.
Għalhekk, il-Partit Nazzjonalista qed jistieden lill-istakeholders kollha, fosthom eNGOs, kunsilli lokali, professjonisti fis-settur, żviluppaturi, rappreżentanti tal-industrija, residenti u persuni li għandhom esperjenza diretta tas-sistema tal-ippjanar u tal-appelli, biex jaqsmu mal-Oppożizzjoni l-analiżi, it-tħassib u l-proposti tagħhom dwar ir-riforma.
Kull kumment jew proposta jista’ jsir fuq dan il-link.
Il-kontribut li jasal se jservi bħala parti mill-ħidma tal-Oppożizzjoni qabel it-Tieni Qari, u għandu jgħin fit-tfassil tal-pożizzjoni parlamentari u tal-emendi li jistgħu jitressqu matul il-proċess leġiżlattiv.
L-attenzjoni partikolari li se jagħti l-Partit Nazzjonalista se tkun fuq jekk is-sospensjoni tal-iżvilupp f’każ ta’ appell pendenti kif qed tiġi proposta tkunx verament awtomatika u effettiva, waqt li l-PN se joqgħod attent ukoll għal kwalunkwe eċċezzjoni jew lakuna li tista’ ddgħajjef id-dritt tal-appell, għat-termini proposti, għar-riżorsi meħtieġa mit-Tribunal u mill-Qorti, u għal kwalunkwe konsegwenza mhux intenzjonata li tista’ tolqot liċ-ċittadin.
Il-Partit Nazzjonalista qed jitlob lill-Gvern biex ma jipproċedix għat-Tieni Qari tal-Abbozz qabel ma jkun ippubblika r-riżultat sħiħ tal-konsultazzjoni pubblika. Il-Parlament ma għandux jintalab jiddibatti riforma qabel ma jkun jaf x’ħareġ mill-konsultazzjoni li l-Gvern stess għażel li jagħmel.
Il-Partit Nazzjonalista jemmen fil-prinċipju li ċ-ċittadin għandu jkollu rimedju effettiv meta jappella minn permess tal-ippjanar. Issa rridu niżguraw li l-liġi li eventwalment tgħaddi mill-Parlament tkun waħda li twettaq dan il-prinċipju fil-prattika, mingħajr lakuni, eċċezzjonijiet mhux ġustifikati jew drittijiet li jeżistu biss fuq il-karta.
Dan huwa x-xogħol li se nagħmlu bħala Oppożizzjoni responsabbli u bħala gvern alternattiv.
Rebekah Borg
Shadow Minister għall-Ippjanar
20.08.2026